Sa minn dejjem kien jissaħħar bil-presepju, u llum l-hena tiegħu jaħdem presepju uniku kull sena li tirrakkonta l-ġrajja tat-twelid ta’ Ġesù Bambin.
Lejn l-aħħar ta’ Ottubru żorna lill-presipist Ernest Law, li fil-garaxx kien qed jagħmel l-irtokki fuq il-prespeju li għandu armat din is-sena.
B’kurżità staqsejtu x’kien li ħajru jibda jaħdem il-presepju, bi tbissima fuq fommu dlonk qalli li minn dejjem kienet ħolma tiegħu.
Huwa wieġeb, “Kien hemm ħabib tiegħi li ħajjarni nitla’ miegħu f’crafts school biex nitgħallem kif nagħmel il-pasturi u ġiet din il-ħolma li rrid nagħmel kollox jien; kemm il-pasturi, l-aċċessorju u anke l-presepju, ħalli tkun from a to z kollu tiegħi.”
Xogħol artistiku bħal dan jieħu kemmxejn fit-tul, għalhekk, malli tgħaddi l-festa ta’ San Pietru fil-Ktajjen li tkun iċċellebrata fir-raħal ta’ Birżebbuġa, jibda jfassal il-pjan li jkollu għall-Milied.
Tennam “Jkolli diġà f’moħħi mis-sena ta’ qabel x’se nagħmel differenti minn dak il-presepju li nkun għamilt u jkun diġà ppjanat ġo moħħi x’se nagħmel u nibda f’Awwissu. Nibda mill-qafas, biċċa biċċa, għax dan m’huwiex presepju sħiħ imma nibnih biċċa biċċa u ngħaqqdu bħalma tgħaqqad jigsaw puzzle.”
Ix-xogħol magħmul minn materjal differenti fosthom ġibs, kartun u ma jonqosx li l-blat ikun iffurmat mill-jablo, imbagħad jgħaqqad kollox bil-gazzetti u l-kolla.
F’dan ix-xogħol imbagħad jgħinu missieru, li d-daqqa t’id tiegħu tiswa’ mitqlu deheb għal Ernest li jkun imħabbat għaddej bix-xogħol.
Għaliex, ta min jgħid ukoll, li kull pastur jew oġġett li jintrama fil-presepju, jsir minn idejn il-presipist.
Kull sena jkun hemm xi pastur differenti, iżda Ernest spjegalna liema xena kull sena tkun differenti.
Law qal, “L-aktar ħaġa li nbiddel speċi ta’ bilfors kif inħossha jien kull sena, hija n-Natività. Dik xi ħaġa li nagħmel dejjem differenti u dejjem nipprova nkun oriġinali.”
Dan il-presepju huwa akkumpanjat b’rakkont li bla ma trid tħossok parti mix-xena li tkun qed tara quddiemek, daqs li kieku l-istilla wkoll waslitek fl-għar li fih twieled il-Bambin.