Kull sena, f’pajjiżna jseħħu mat-tmien mitt inċident ta’ grass fires, meta jitkebbsu n-nirien f’żoni fejn ikun hemm il-ħaxix.
Fl-aħħar ġimgħat, anki frott il-mewġa ta’ sħana li diġà għamlet f’pajjiżna, kien hemm numru ta’ inċidenti ta’ nirien li nfirxu malajr bir-riħ sħun.
F’intervista ma’ ONE News, id-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro, saħaq dwar l-importanza tas-sehem tal-pubbliku, li m’għandux jarmi affarijiet fil-kampanja li jikkontribwixxu għat-tkebbis tan-nirien.
Qal, “Bħalissa, fix-xhur tas-sajf, il-kampanja, kif jaf kulħadd, tkun niexfa u tkun lesta biex taqbad. Allura, meta wieħed jitfa’ sigarett, jew forsi flixkun tal-ħġieġ – għalkemm ma tantx fadal minnhom fis-suq – jew meta jitfa’ xi ħaġa li sservi ta’ lenti fix-xemx, jew inkella tinstaq karozza fuq għalqa li tkun niexfa, wieħed jista’ jibda nar hu stess anki jekk ma jkunx irid u n-nar jinfirex ma’ kullimkien.”
F’dawn it-tip ta’ każijiet, kollox jaħdem kontra l-pumpier, għax in-nar jinfirex f’postijiet differenti.
Qal, “Inti se jkollok in-nar li jkun qed jimxi b’veloċità kbira, speċjalment jekk il-kundizzjonijiet tar-riħ ikunu qegħdin jgħinuh, jiġifieri jkollok in-nar qed jinfirex u allura trid tiddetermina mill-ewwel fejn qed jimxi n-nar u fejn trid tkun inti biex twaqqfu. Din mhix kwistjoni li wieħed joqgħod jiġri wara l-fjammi biex jitfihom għax kieku ma tispiċċa qatt. Titfi u jibqa’ jaqbad sakemm jieħdok.”
Coleiro kompla jispjega kif it-topografija ta’ pajjiżna, bħall-għoljiet u l-widien, ukoll jagħmlu differenza, għax ir-riħ jgħaddi b’modi u f’direzzjonijiet differenti.
Qal, “Affarijiet ta’ importanza oħra huma jekk hemmx il-ħajja umana, l-ewwel ħaġa, imbagħad ngħinu anki fejn ikun hemm l-irziezet u l-annimali biex nippruvaw kemm jista’ jkun insalvaw il-ħajjiet biex inwaqqfu n-nar milli jidħol ġo razzett u jagħmel ħerba u joqtol l-annimali, li sfortunatament, mhux dejjem jirnexxielna – però nagħtuhom importanza kbira.”
Id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili saħaq li dawn huma inċidenti li ma tistax tippjana għalihom minn qabel, imma tmur fuq il-post u tieħu deċiżjonijiet dak il-ħin billi tagħmel l-aqwa użu mir-riżorsi disponibbli.
Allura, tajjeb li wieħed ikun infurmat biex jevita milli jagħmel azzjonijiet li jistgħu jinstigaw inċidenti bħal dawn.
Barra minn hekk, id-Dipartiment irid ikun lest għal kull eventwalità, f’każ li jkun hemm iktar minn inċident wieħed fl-istess ħin.
Qal, “Ir-riżorsi rridu nużawhom tajjeb u rridu nużawhom b’mod li kull min iċempel jista’ jingħata l-għajnuna.”