“Kull qatra demm hi qatra tama” kien b’dan il-kliem li l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia wassal il-messaġġ tiegħu quddiem il-binja tal-Parlament biswit il-Blood Mobile Unit, li tinsab għad-dispożizzjoni u s-servizz ta’ dawk kollha li jkunu fid-daħla tal-kapitali ta’ pajjiżna.
Din l-inizjattiva kienet ukoll parti mill-attivitajiet li jfakkru d-69 anniversarju mit-twaqqif tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
Dr Farrugia sostna li l-għoti tad-demm hu att ta’ mħabba u responsabbiltà lejn xulxin fis-soċjetà, waqt li ħeġġeġ lil kull ċittadin biex jikkunsidra jagħmel din id-donazzjoni, li tista’ tfisser id-differenza bejn il-ħajja u l-mewt għal ħaddieħor.

L-attività kienet indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, il-Whip tal-Gvern, Naomi Cachia, u Adrian Delia, Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, li ngħaqdu flimkien għal din il-kawża ġusta.
L-Ispeaker temm ifaħħar lill-partijiet kollha konċernati li ħadu l-inizjattiva b’tant interess.