Il-Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali ppubblika għall-konsultazzjoni pubblika d-dokument imsejjaħ ‘Strateġija Nazzjonali għar-Riforma tas-Sistema tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet 2025-2035’.
Din l-istrateġija turi l-kuntest u l-prinċipji li għandhom jiggwidaw u r-rakkomandazzjonijiet biex is-sistema tar-reġistrazzjoni tal-artijiet f’Malta, li taf il-bidu fis-snin tmenin, tiġi riformata. Din is-sistema rat xi żviluppi fis-snin disgħin, imma minn dakinhar ’l hawn baqgħet fil-parti l-kbira tagħha ma nbidlitx.
Kif spjega tajjeb il-Ministru responsabbli, Stefan Zrinzo Azzopardi, ir-riformi proposti qed jimmiraw li jkollna sistema ta’ reġistrazzjoni tal-art sigura li tagħti l-aqwa servizz lill-pubbliku inġenerali.
“L-iskop hu li nkomplu naġġornaw sistema biex tiġi trasferita u rreġistrata l-proprjetà u li naslu għal dak l-hekk imsejjaħ log book ta’ pajjiżna. Dan jagħti aktar serħan il-moħħ lis-sidien, effiċjenza aktar kif jgħaddu t-titolu, iżda fuq kollox li s-sistema li nutilizzaw f’pajjiżna tkun waħda aktar addattata fiċ-ċirkostanzi tas-settur tal-proprjetà tal-lum.”
Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi
Waqt li kienet qed titħejja din l-istrateġija saru konsultazzjonijiet ma’ stakeholders ewlenin fil-proċess tar-reġistrazzjoni tal-art, fosthom il-Kunsill Notarili, il-Kamra tal-Periti, l-Assoċjazzjoni tal-iżviluppaturi, l-Assoċjazzjoni tal-Bankieri, il-banek kummerċjali, l-Awtorità tal-Artijiet, il-Joint Office u l-FIAU.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet, Michelle Piccinino, innotat kif skont ic-Ċensimenti tal-2011 u l-2021, kien hemm tnaqqis fit-terraced houses u żieda fl-appartamenti jew penthouses. Djar okkupati laħqu kważi 216,000, żieda ta’ 41% f’għaxar snin.
Saħqet kif ir-reġistrazzjoni ta’ proprjetajiet u ipoteki, fl-2010, kienu jammontaw għal kważi 8,000 u sa Settembru ta’ din is-sena laħqu l-10,400. Min-naħa l-oħra, ir-reġistrazzjoni ta’ amministraturi ta’ kondominji, fl-2010, kienet tlaħħaq il-134, iżda, sa Settembru li għadda, dan tela’ għal aktar minn 1,400.
“Sistema għandna fil-pajjiż. Li qegħdin nagħmlu hu li naġġornaw u nagħtu għodod aktar moderni ta’ kif dan jista’ jsir b’mod aktar faċli u li t-trasferimenti tal-proprjetà jkunu qed isiru aktar iffaċilitati.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet, Michelle Piccinino,
Il-konsultazzjoni se tibqa’ miftuħa sal-aħħar ta’ Frar li ġej, bid-dokument li jista’ jitniżżel minn fuq is-sit consultation.gov.mt.