Fil-ħabs ta’ Kordin u fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Carmeli bħalissa hemm jinżammu madwar 800 priġunier.
In-nefqa li l-Gvern qiegħed iħallas fuq kull ħabsi hija ta’ €90 kuljum, total ta’ kważi €33,000 fis-sena fuq kull priġunier.
Dan joħroġ minn tweġiba għall-mistoqsija parlamentari li wieġeb il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri.
Ir-rata tinħadem fuq is-salarji li jintefqu fuq l-uffiċjali korrettivi tal-ħabs, in-nefqa fuq l-ikel u l-manutenzjoni tal-faċilità fost oħrajn.
Intant bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari oħra, il-Ministru Camilleri qal li fil-preżent hemm 272 priġunier li jagħmlu xi xogħol. 235 minnhom jaħdmu bħala purtinara fid-diviżjonijiet rispettivi tagħhom.
Qal li s-37 l-oħra għandhom xogħol tal-idejn u ta’ snajja bħal żebgħa, xogħol ta’ bini, gypsum, ħjata, xogħol fil-forn tal-ħobż kif ukoll fil-kċina tal-ħabs.
Il-Ministeru spjega li l-priġunieri jaħdmu b’sistema ta’ rotazzjoni bil-għan li jqassmu l-ħinijiet bejn il-priġunieri.
Għal dan il-għan, il-Faċilità Korrettiva tiddedika mal-€10,000 kull xahar u l-awtorità tal-ħabs qiegħda taħdem qatiegħ biex il-priġunieri jkunu jistgħu jaħdmu saħansitra barra l-ħitan tal-ħabs.
Fil-fatt hemm 22 priġunier li qed jaħdmu ma’ kumpaniji privati bħala parti mill-industrija tal-ħabs.