Hi komuni li ġenitur jieħu gost jieħu r-ritratti tat-tfal tiegħu biex iżommhom bħala tifkira, iżda Fabian Scerri De Carlo mhux sempliċiment jieħu kwalinkwe ritratt iżda ta’ kull nhar ta’ Ħadd, mill-jum tat-twelid tal-ewwel wild, iddeċieda li jieħu ritratt tat-tifla tiegħu u jżommhom fi ktieb bħala parti minn kollezzjoni ta’ memorji. L-istess għamel mat-tieni wild.
“It-tifla Kelly twieldet il-Ħadd 7 ta’ Mejju 2000 u bħal kull ġenitur jieħu l-ewwel ritratt. Dak il-ħin għaddieli minn moħħi biex nibda nieħu ritratt kull nhar ta’ Ħadd. Qabel kien iktar diffiċli għax bil-film – li joħroġ joħroġ. Illum bid-diġitali iktar faċli. Fiha impenn kbir. Fuq il-mowbajl għandi reminder – fis-7am għandi alarm biex ifakkarni. Is-Sibt noħroġ il-kamera fuq il-mejda tal-kċina bil-lest. Sal-lum il-ġurnata, għalkemm bid-diġitali, xorta nipprintjah ir-ritratt,” sostna dan Fabian ma’ The People of Malta.
Spjega kif “mat-tifel Kyle għamilt l-istess. Apparti r-ritratt separat, noħdilhom ukoll ritratt flimkien. Illum lil Kelly ħadtilha it-893 ritratt u lil Kyle ħadtlu il-506 ritratt. Jekk jasal iż-żmien li jitilqu mid-dar biex jibdew ħajja ġdida? Tkun opportunità biex nhar ta’ Ħadd jiġu d-dar, noħdilhom ir-ritratt, jaraw lil xulxin u jiġu jżuruna. Meta kont imsiefer l-Awstralja, kont inċempel lill-mara biex nara jekk ir-ritratt ħaditux hi. Ma naf lil ħadd li jagħmilha din li kull ġimgħa jieħu ritratt lil uliedu. Qiegħed imniżżel ukoll fil-Malta Records.”
It-tfal tiegħu spjegaw kif “fis-7:00 ta’ filgħodu meta jsejjaħli biex joħodli r-ritratt ma jkollix aptit, iżda mbagħad napprezza. Fil-papa’ nara dedikazzjoni u impenn. Diġa’ qed jgħidli minn issa biex la jkolli t-tfal nagħmel l-istess.”