F’kull deċiżjoni li ħa l-Gvern fl-aħħar xhur b’rabta mal-imxija tal-Covid-19, inżamm dejjem bilanċ bejn is-saħħa tal-Poplu Malti u Għawdxi u l-ekonomija tal-pajjiż.
Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’intervista oħra lill-midja indipendenti, din id-darba fuq Lovin Malta, fejn saħaq kif f’dawn iż-żminijiet, Gvern Laburista dejjem mexa b’mod tajjeb f’kull deċiżjoni li ħa.
“Jien bħala Prim Ministru u bħala Gvern irridu nieħdu kontinwament deċiżjonijiet illi jżommu bilanċ bejn ekonomija u saħħa. M’għandix privileġġ li nista’ niffoka u ngħid kull miżura tkun iffukata fuq saħħa jew iffukata biss fuq l-ekonomija. Trid iżżomm bilanċ il-ħin kollu u tiftakar fuq kollox li ma jistax ikollok ekonomija b’saħħitha jekk is-saħħa tal-poplu ma tiġix imħarsa u ma jistax ikollok is-saħħa tal-poplu li tiġi mħarsa jekk ma jkollokx ekonomija b’saħħitha.”
Robert Abela semma kif għalkemm l-infezzjonijiet f’Malta żdiedu fl-aħħar jiem, is-sintomi ta’ dawk pożittivi huma ħfief ħafna, u r-rata tal-mortalità hija baxxa.
“Ejja nħarsu lejn il-Lussemburgu kull m’għandhom popolazzjoni iżjed minnha ftit aktar minn mitt elf iġifieri qed nitkellmu l-istess daqs ta’ popolazzjoni. Ir-rata tal-imwiet mija tnejn u għoxrin, aħna kellna għaxra.”
Dr Abela fakkar kif grazzi għall-pakketti finanzjarji tal-Gvern f’dawn iż-żminijiet, ġew salvati eluf ta’ impjiegi u kompla jonqos il-qgħad.
Il-Prim Ministru tenna li f’din il-pandemija, il-Gvern u l-Awtoritajiet tas-Saħħa dejjem kienu trasparenti.
“Insemmi li f’pajjiżn l-istatistika tat-testijiet qbiżna aktar minn tlett elef test f’poplazzjoni ta’ anqas minn nofs miljun. Aħna qed inkunu trasparenti u n-numri ta’ persuni li huma pożittivi mahniex qed naħbuhom qed inkunu trasparenti.”
Il-Mexxej Laburista qal li mis-sebgħa ta’ Marzu sal-lum, kull deċiżjoni li ħa, ħadha dejjem mal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne u mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci, dejjem favur saħħet il-poplu Malti u Għawdxi.
Huwa tenna li pajjiżna għandu qasam u sistema ta’ saħħa b’saħħitha u appella għall-prudenza, il-kawtela u r-responsabbilità.
“Ejja ħa nibqgħu naħdmu u hawnekk fejn nagħmle appell lil kulħadd. Ejja se noħorġu minn dan il-mument f’sens ta’ għaqda nazzjonali. Diżappunt li hemm min qed jipolitiċiżża din is-sitwaz zjoni. Dan hu mument ta’ għaqda nazzjonali, ejja nifatkru li llum dak li ħa nagħmlu issa u fil-ġimgħat li ġejjin jiffomra l-bażi tal-futur tal-poplu kollu tagħna.”
Ritratt: Gareth Degiorgio