Mit-tnejn ta’ Awwissu se jidħlu fis-seħħ miżuri ġodda li se jiżguraw aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin, fosthom b’aktar liv tal-paternità.
Din il-miżura, imħabbra ilbieraħ waqt konferenza tal-aħbarijiet, se żżid l-għadd ta’ ġranet li missier, jew it-tieni ġenitur ekwivalenti, ikollu mal-wild ġdid tiegħu għal għaxart ijiem. L-istess ħaġa se tapplika f’każijiet ta’ adozzjoni ta’ tfal.
Bħalissa, dawk li jaħdmu fis-settur privat huma intitolati għal ġurnata jew tnejn liv offruti minn min iħaddem, filwaqt li dawk li jaħdmu fis-settur pubbliku għandhom ħamest ijiem franki mħallsin mill-Gvern bħala dak li jħaddimhom.
Dwar dan tkellimna mal-konsultent fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Brendan Zerafa, li spjega kif il-miżura l-ġdida se tkun qed taħdem.
“Għaxart ijiem ta’ paternity leave li jistgħu jittieħdu sa ħmistax-il ġurnata wara li t-tarbija tkun twieldet jew inkella ġiet addottata. Ser ikunu wkoll fully paid, jiġifieri l-ħaddiem mhuwiex se jitlef l-ebda ċenteżmu meta se jkun qed jieħu dan il-liv, għax jibqa’ jitħallas b’mod normali.”
Zerafa żied jgħid li l-Gvern ħaseb biex, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika globali preżenti, iħallas dan il-liv f’isem min iħaddem għall-ewwel sena u nofs minn mindu tiddaħħal il-miżura, jiġifieri sal-aħħar tal-2023. Wara li jintemm dan il-perjodu, min iħaddem se jkun qed iħallas lill-impjegati tiegħu għal dan il-liv.
Din il-miżura soċjali tagħmel parti minn sett ta’ miżuri bħala parti mid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea intiża biex toħloq aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-individwu.
Fil-manifest elettorali għall-aħħar elezzjoni, il-Partit Laburista kien wiegħed li Gvern Laburista ġdid jaħdem sabiex minn din is-sena tiġi implimentata din id-Direttiva. Fis-snin li għaddew, il-Gvern Laburista kien katalista biex f’pajjiżna ddaħħlu miżuri li rrivoluzzjonaw is-soċjetà Maltija, inkluż il-liv tal-maternità.