Il-Kummissjoni kontra l-Vjolenza Domestika u Vjolenza abbażi tal-Ġeneru nnotat li l-pulizija ħadet passi fil-konfront tal-aggressur li l-ġimgħa li għaddiet deher jifqa’ bieb ta’ ħanut fi Triq Biżazza tas-Sliema f’mument ta’ rabja.
Fi stqarrija l-Kummissjoni spjegat kif dan l-inċident li seħħ fid-dawl tax-xemx u nġibed fuq kamera, għamel iċ-ċiklu tiegħu fuq il-mezzi soċjali bil-pubbliku jagħmel il-kummenti tiegħu.
Il-fatt li l-pulizija ħadet passi mingħajr ma ħadd għamel rapport formali l-għassa huwa skont il-liġi tal- Vjolenza Domestika u Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u dan anke skont il-konvenzjoni ta’ Istanbul li Malta rratifikat fl-2014.
Il-Kummissjoni qed tiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku għall-fatt li kif jixhed il-każ in kwistjoni, m’hemmx bżonn li l-vittma ta’ vjolenza domestika jew vjolenza abbażi tal-ġeneru tagħmel rapport biex il-pulizija tinvestiga. Minn dan il-każ ħareg ċar li l-pulizija ma tiddependix biss fuq ix-xhieda tal-vittmi biex tipprosekwixxi.
Jista’ jkun hemm bosta raġunijiet għaliex il-vittma tirrifjuta li tagħti l-evidenza tagħha, u nafu li jista’ jkun hemm ċirkostanzi fejn il-vittma tkun qed tiġi mhedda mis-sieħeb tagħha u tkun imwerwra minnhu. Jista jkun il-każ ukoll, li jkun hemm membri oħra tal-familja li jkunu qed jagħmlulha pressjoni biex ma tkomplix bil-każ. Huwa għalhekk li m’għandniex inpoġġu aktar responsabbiltà fuq il-vittma biex din tispiċċa terġa’ tmur id-dar u tpoġġi ħajjitha, u xi kultant ukoll ta’ wliedha fil-periklu.
Il-Kummissjoni għalhekk tisħaq illi rapporti bħal dawn huma ir-responsabbilta’ tas-soċjeta’ kollha għaliex il-Vjolenza Domestika hija offiża kontra s-soċjeta’ kollha u kull min jaf li qed isiru offiżi bħal dawn għandu jirraporta lill-pulizija, dejjem b’kawtela għas-sigurtà ta’ kull min huwa involut.
Fid-dawl ta’ dan kollu l-Kummissjoni tilqa’ l-impenn tal-Pulizija biex timplimenta u tinforza l-liġi msemmija aktar ‘il fuq, li permezz tagħha qed noffru aktar protezzjoni lill-vittmi waqt li ħraxu l-pieni għall-aggressuri.