“Kull min imqar ikkontribwixxa farka, b’mod dirett jew indirett, għall-mewt ta’ Jean Paul Sofia, se jħallas,” saħaq il-Prim Ministru Robert Abela waqt intervista mal-Editur Eżekuttiv tal-MaltaToday, Kurt Sansone.
Hu enfasizza wkoll li hi investigazzjoni waħda li se twassal għal ġustizzja sħiħa f’dan il-każ, jiġifieri dik Maġisterjali, li għandha l-għodod kollha neċessarji biex twassal għal min kien responsabbli għal dak li ġara.
F’eku ta’ dak li seħħ fl-aħħar sigħat fil-Parlament b’rabta ma’ dan il-każ, il-Prim Ministru ta spjega ċara u fit-tul dwar dak li seħħ ilbieraħ.
Qal li bħalma wiegħed lil omm Jean Paul Sofia f’laqgħa privata ta’ siegħa u nofs il-ġimgħa li għaddiet, se jara li ssir ġustizzja.
Il-Prim Ministru ċċara li għall-kuntrarju ta’ dak li fehmu ħafna, li lbieraħ ittieħed vot li jimblokka l-perkors tal-ġustizzja, dan beda fit-tlieta ta’ Diċembru li għadda b’investigazzjoni bis-sistema awtomatika ta’ Maġistrat, skont min kien xogħol, jiġifieri li ħadd ma kellu poter fuq min jintagħżel Maġistrat.
Huwa saħaq li l-inkjesta bdiet mill-ewwel u l-Pulizija taw ir-riżorsi u l-għodod kollha meħtieġa biex il-Maġistrat tagħmel ix-xogħol fl-inkjesta.
Iċċara li, inkjesta pubblika maħtura minnu jew minn Ministru, tagħti setgħat limitatissimi, mentri inkjesta Maġisterjali għandha ħafna għodod, setgħat, u l-konklużjonijiet tagħha jwasslu għal riperkussjonijiet.
Fil-fatt, b’inkjesta Maġisterjali, min naqas u kien direttament responsabbli għall-inċident, jitressaq quddiem il-ġustizzja u jinħarġu l-akkużi kriminali kontrih.
Il-Prim Ministru saħaq li l-ewwel irid jiġi stabbilit x’kienu n-nuqqasijiet u x’inhuma l-akkużi li għandhom jinħarġu, imbagħad issir il-kawża kriminali nnifisha.
Għall-kuntrarju ta’ min qed jipprova jgħid li dan huwa xi proċess sigriet, il-Prim Ministru spjega u ċċara li hu nnifsu se jitlob kopja tar-rapport imħejji mill-Maġistrat u jippubblikah b’mod sħiħ.
“Il-pożizzjoni tagħna dejjem kienet ċara, irridu nħallu l-inkjesta Maġisterjali tasal għall-konklużjoni. L-ewwel mhu se jħallsu huma l-kontributuri diretti – min kellu r-responsabbiltà diretta bil-proċeduri kriminali”, qal il-Prim Ministru.
Dr Abela rrefera għaż-żewġ xewqat ta’ omm il-vittma – li ssir ġustizzja fil-każ, u li l-istess każ ma jerġax jirrepeti ruħu, u qal li l-għodda ta’ kif wieħed jasal għal dawn l-għanijiet hija l-inkjesta Maġisterjali.
“Aħna ħa niġu f’sitwazzjoni li l-għodda tal-ġustizzja se nixħtuha fil-Parlament? Ejja nagħtu ċertezza ta’ sistema li tiffunzjona”, tenna l-Prim Ministru fl-intervista, li filwaqt li qal li l-ħajja ma tistax tinġieb lura, saħaq fuq l-importanza tal-ġustizzja biex kull min kellu x’jaqsam u kkontribwixxa għan-nuqqasijiet, iħallas.
“Filwaqt li qed tingħata impressjoni li l-kuntratturi huma untouchables u jikkundannaw lill-Partit Laburista fuq ix-xogħlijiet li jsiru, din hija narrattiva perikoluża, li każ bħal dan tippolitiċizzah u tiġi tipprova tirbaħ il-punti politiċi. Qed nagħti kelma ċara li l-ġustizzja se ssir u se nerfagħha jien, fil-limiti ta’ li tippermettili l-kariga”, temm jgħid il-Prim Ministru.