Nofs il-popolazzjoni Maltija għandha European Health Insurance Card.
Card li permezz tagħha, meta ċittadin Malti jmur b’mod temporanju f’pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, u jiġi bżonn attenzjoni medika, tkoprih għall-kura fl-isptarijiet pubbliċi.
Id-Direttur tal-Health Care Funding, Michelle Galea, spjegat li l-Malti, bħala ċittadin Ewropew, huwa intitolat għall-kura fi sptarijiet pubbliċi f’pajjizi membri fl-Unjoni Ewropea, bla ebda limitu ta’ spejjeż.
Dan hekk kif l-EHIC tkopri diversi sitwazzjonijiet, bħal mard kroniku, ksur, qtugħ ta’ nifs u inċidenti bil-karozza.
“Tkopri kull ħaġa li jista’ jinqalelk bħala emerġenza, jiġifieri jekk jiena nbati bil-pressjoni għolja u nħoss sintomi li nħoss li għandi bżonn immur fi klinika, dejjem pubblika, u niċċekkja l-pressjoni; jew inkella ħassni ħażin u għandi bżonn kura immedjata, jew kont skiing u ksirt saqajja, dawk kollha jiġu koperti bil-European Health Insurance Card.”
Minkejja li tkopri dawn is-sitwazzjonijiet, il-card mhix alternattiva għall-assigurazzjoni privata, għax ma tkoprix spejjeż lil’hinn mill-kura ta’ dak il-ħin.
“Dejjem irridu noqgħodu attenti biex inkunu covered, moħħna mistrieħ, li jekk ikollna bżonn trasport lura lejn Malta, jew ikollna bżonn noħorġu xi flus minħabba li l-kura tas-saħħa f’dak il-pajjiż mhix kompletament b’xejn, dik ma tkun koperta bil-European Health Insurance Card.”
Sal-aħħar tal-elfejn u tmintax, aktar minn mitejn u għoxrin elf Malti kellu European Health Insurance Card.
Elf seba’ mija sebgħa u sebgħin użawha f’xi pajjiż Ewropew, b’valur ta’ kważi miljun ewro.
Bl-istess mod, ċittadini Ewropej li għandhom din il-card, ukoll huma intitolati għall-kura f’Malta jekk jiġu bżonnha.
Filfatt, is-sena li għaddiet, aktar minn sitt elef ċittadin Ewropew uża l-EHIC f’pajjiżna, b’valur ta’ kważi miljun u nofs ewro.
Minkejja li l-uffiċċju responsabbli jirċievi mal-mitejn applikazzjoni għal cards ġodda kuljum, l-għarfien qatt mhu biżżejjed.
“Irridu nkunu iktar qrib iċ-ċittadin u rridu infehmuh l-importanza li meta jippakkja l-bagalja, irid jara jekk mal-passaport għandux il-European Health Insurance Card.”
Biex wieħed japplika għall-Card, jista’ juża s-servizzi tal-EID jew servizz.gov, jew inkella jiġbor applikazzjoni mill-Kunsill Lokali tal-lokalità li jgħix fiha.