Mitt tomna ta’ raba’ organika.
Iltqajna ma’ Joe Sciberras li ilu 20 sena b’ċertifikat ta’ bidwi organiku fejn fl-għelieqi tiegħu, li jħaddnu fihom ukoll ix-xagħri, irnexxielu jibni ekosistema għall-ħaxix tal-borma.
It-tiġieġ tal-bajd, in-nagħaġ u l-mogħoż jipproduċu biss prodotti organiċi.
Sciberras huwa xempju ta’ tibdil minn biedja konvenzjonali għall-biedja organika. Huwa spjegalna kif f’dan kollu, il-kimika ma tidħol imkien imma jintużaw biss rimedji naturali minn ħwawar u ħaxix indiġenu filwaqt li jintuża ukoll kontroll bijoloġiku.
Fissrilna fid-dettall xi tkun l-agrobijodiversità fejn b’entuzjażmu liema bħalu, qalilna l-pjanti kollha jikbru ma’ xtieli oħra li jitħawlu apposta bħal frawli, basal u kull tip ta’ ħaxix ieħor tal-borma. Stqarr magħna kif fl-għelieqi tiegħu jitkabbru wkoll kull tip ta’ ħwawar differenti u pjanti indiġeni li jintużaw bħala rimedji naturali kemm sabiex jitfejjaq u jiġi evitat il-mard.
Joe Sciberras qalilna li fi tmien tiegħu jikbru wkoll b’mod naturali u jkattru, għadd ta’ speċi ta’ insetti meqjusa essenzjali biex jeqirdu l-insetti għedewwa. Huwa uriena wkoll nases li għamel huwa stess apposta, permezz ta’ flixken tal-plastik, biex jaqbad dawn l-insetti li jagħmlu ħsara fil-biedja.
Mario Salerno li huwa ferm intiż f’dan il-qasam, filwaqt li ħeġġeġ lil aktar bdiewa biex jaqilbu għall-biedja organika minn dik konvenzjonali, spjegalna eżatt xi tkun biedja organika.
Qal, “Biedja organika hija illum accettata fl-Unjoni Ewropea fejn jirrigwardjaw erba’ principji, il-pricipju tas-saħħa, il-prinċipju tal-ambjent, il-prinċipju tal-kura u il-prinċipju tal-fairness, fejn il-konsumatur li jixtri prodott għandu d-dritt għall-valur li jħallas tal-flus, ikollu l-valur ta’ dak il-prodott organiku, fejn fil-biedja organika la jintużaw GMO’s, la tintuża kimika sintetika bħal per ezempju, l-weed killer, però barra minn hekk inti għandek l-annimal fejn jidħlu l-annimali li jgawdu l-welfare tagħhom, igawdu huma l-kobor ukoll u jikbru barra naturalment.”
Rajna wkoll kaxxi apposta fejn jitrabbew in-naħal fejn permess ta’ studju li hu għaddej, wieħed iqabbel l-imġieba tan-naħla maltija ta’ dik taljana fuq l-istess tip ta’ art.
Joe Sciberras kellu kliem ta’ inkorraġiment għal dawk li bħalu jixtiequ li jaqilbu minn biedja konvenzjonali għal dik organika. Tlabnieh x’għandu jagħmel xi ħadd li jrid jaqbad din it-triq.
Qal, “Li wieħed għandu jagħmel, huwa l-mottiv edukattiv, jagħmel korsijiet li jiġu organizzati kemm ngħallmuhom, kemm mill-Jobs Plus u entitajiet oħra. Jara li l-prodotti li juża ma jużax prodotti sintetici, illum hawn ħafna prodotti x’jużaw u nagħtuhom pariri ta’ esperti kemm tal-Gvern kif ukoll ta’ entitajiet privati.”