Il-liġi dwar il-Liċenzjar tal-Kuntratturi, li hija l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f’pajjiżna, se ddaħħal l-obbligu ta’ polza ta’ assigurazzjoni għal kull proġett li jidħol għalih kuntrattur.
B’dan ifisser li kuntrattur huwa obbligat li jiżgura li l-proġett, li qed iwettaq, hemm polza ta’ assigurazzjoni sakemm jitlestew ix-xogħlijiet f’dak il-proġett.
Dan intqal fi stqarrija mill-Ministeru għall-Ippjanar, immexxi mill-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi, fejn irrefera għall-istqarrija tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi.
Intqal li l-avviż legali li ddaħħal fis-seħħ nhar it-Tlieta li għadda hija bidla importanti u li se tpoġġi obbligu fuq min jikseb il-liċenzja ta’ kuntrattur meta jwettaq dan ix-xogħol.
Il-Ministeru għall-Ippjnaar sostna li l-Avviż Legali dwar il-Liċenzjar tal-Kuntratturi ġie ppubblikat wara proċess estensiv ta’ konsultazzjoni u qiegħed idaħħal obbligi fis-settur tal-kostruzzjoni, liema obbligi qatt ma kienu jeżistu.
Intqal li saru konsultazzjonijiet estensivi mal-Assoċjazzjoni tal-Insurance Maltija li pparteċipat u tat il-veduti tagħha biex qed jiddaħħal dan l-obbligu.
Fi tmiem din l-istqarrija ġie sostnut li l-Gvern se jkompli jaħdem mal-partijiet involuti biex isseħħ l-implimentazzjoni ta’ din il-bidla, filwaqt li se jkompli jieħu deċiżjonijiet biex isaħħaħ il-qafas regolatorju għall-industrija tal-kostruzzjoni bil-għan li tiddaħħal aktar responsabbiltà, serjetà u kwalità ogħla.
Sadanittant, l-applikazzjoni biex wieħed japplika għal-liċenzja mal-BCA se tiftaħ it-Tnejn li ġej u tibqa’ miftuħa sal-aħħar ta’ Ottubru.