Sterjotipar u rwoli skont il-ġeneru tradizzjonali għad għandhom influwenza kbira fuq id-diviżjoni ta’ rwoli bejn in-nisa u l-irġiel fid-dar, fuq il-post tax-xogħol u fis-soċjetà inġenerali, bin-nisa impinġija bħala dawk li jmexxu d-dar u jieħdu ħsieb it-tfal, waqt li l-irġiel huma murija bħala dawk li jaqalgħu l-paga” jgħid ir-Rapport dwar l-Eliminazzjoni ta’ Sterjotipar tal-Ġeneru fl-UE.
Minn ġenerazzjoni għal oħra, ir-rwol tan-nisa imbidel sostanzjalment. In-nisa tallum qed iħallu impatt pożittiv fuq is-soċjetà. Illum il-ġurnata n-nisa għamlu avvanzi f’oqsma bħal politika, inġinerija, mediċina, negozju; setturi li qabel kienu dominati mill-irġiel.
Fi stqarrija l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) qalet li hija kkonċernata dwar reklam lokali bit-titlu ‘Rent a Wife’ (Ikri l-Mara). Dan l-isem jikkategorizza u jagħmel sterjotipar tan-nisa hekk kif enfasizzat fir-Rapport tal-UE u jirfes fuq il-progress li għamlu n-nisa fil-karrieri u fil-parteċipazzjoni tagħhom fl-iżvilupp ekonomiku ta’ dan il-pajjiż.
L-isterjotipar mhux biss ifixkel il-kapaċità tan-nisa fl-iżvilupp tal-abbiltajiet fil-karrieri professjonali tagħhom imma wkoll fl-għażliet li jieħdu f’ħajjithom. Jinforza wkoll il-mentalità li n-nisa u l-irġiel għandhom iwettqu xogħol segregat skont il-ġeneru tagħhom. Li kumpanija jkollha isem ‘Rent a Wife’ tkompli tipperpetwa l-isterjotipar li huwa r-rwol esklussiv tal-mara li tieħu ħsieb id-dar waqt li r-raġel iġorr ir-responsabbiltajiet finanzjarji tar-relazzjoni. Dawn il-messaġġi mhux biss huma ta’ żvantaġġ għan-nisa imma wkoll għall-irġiel li diġà qed jaħdmu f’dan il-qasam u jista’ jkun ta’ detriment għall-opportunitajiet tax-xogħol tagħhom u għall-irġiel oħra li jridu jaħdmu f’dan is-settur.
L-NCPE fakkret li l-Att dwar l-Ugwaljanza għall-Irġiel u għan-nisa (Kapitlu 456) li jissalvagwardja l-ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol jgħid li “persuni ma jistgħux jippubblikaw, jew jesponu jew iġiegħlu li jiġi pubblikat jew espost xi reklam, jew, xort’oħra li jirreklamaw post battal għal xi impieg li jkun jiddiskrimina bejn min ikun qed ifittex ix-xogħol jew jitlob mingħand min ikun qed ifittex ix-xogħol informazzjoni li tkun tirrigwarda l-ħajja privata tagħhom jew il-pjanijiet li jkollhom dwar it-tkabbir tal-familja tagħhom”.
L-isterjotipar u l-inugwaljanza fuq il-post tax-xogħol huma ta’ periklu għas-soċjetà għax dawn jillimitaw il-libertà u l-għażliet tan-nies. Karatteristiċi assoċjati man-nisa u l-irġiel iżommu l-isterjotipar tradizzjonali ħaj. Iżda, in-nisa u l-irġiel għandu jkollhom l-istess opportunitajiet biex jagħmlu progress fis-settur tal-għażla tagħhom.