L-akkwist pubbliku ambjentali tal-Gvern se jitla’ minn ħamsin fil-mija għal disgħin fil-mija, li jfisser li se jidħlu fis-seħħ kriterji ġodda sabiex il-Gvern jixtri b’mod li jkun aktar ħabib mal-ambjent.
Fost l-oħrajn, dawn il-kriterji se jfissru li kull karozza ġdida li se jixtri l-Gvern se tkun elettrika mis-sena d-dieħla, bħala miżura fit-tieni pjan t’azzjoni tal-Kuntratti Pubbliċi Ambjentali.
Il-Ministru għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Aaron Farrugia sostna li dan il-pjan t’azzjoni se japplika għal ministeri u entitajiet governattivi fost l-oħrajn, u se jippromwovu prodotti u servizzi li jkunu konxji tal-isfida tat-tibdil fil-klima.
Farrugia spjega li dan huwa pass importanti lejn id-direzzjoni t-tajba, hekk kif rapporti internazzjonali jindikaw li l-effetti tat-tibdil fil-klima diġà jinsabu magħna.
Huwa qal li dan il-pjan huwa xhieda ta’ kif il-Gvern għandu jmexxi bl-eżempju, u madwar id-dinja, Gvernijiet, kumpaniji u anke konsumaturi qegħdin magħqudin fl-istess ġlieda kontra t-tibdil fil-klima: “Fl-aħħar mill-aħħar nafu li anke l-produtturi tal-karozzi mexjin lejn l-istess direzzjoni. Naħseb li l-ħidma għaddejja b’mod kollettiv, Gvern u privat biex b’hekk nilħqu l-miri li fl-aħħar mill-aħħar, hija d-dinja stess qed tgħidilna biex nibdlu.”