- Kull jumejn, seba’ persuni li jkunu qiegħda sabu xogħol
- Jinżlu għal 3,360, l-persuni jirreġistraw għax-xogħol
- It-tnaqqis qawwi fil-qgħad qed jinħass l-aktar fost iż-żgħażagħ
- In-numru ta’ Għawdxin jirreġistraw għax-xogħol naqas għal 504 minn 742
- Tnaqqis ta’ 56% fin-numru ta’ persuni b’diżabilita’ li qed ifittxu impjieg
Taħt din l-amministrazzjoni, bħala medja, kull jumejn, seba’ persuni li kienu qiegħda sabu xogħol. B’kuntrast, matul il-ħames snin tal-amministrazzjoni preċedenti, bħala medja kull jumejn persuna aktar kienet tispiċċa tirreġistra.
Fi stqarrija l-Gvern qal li fiż-żmien meta Simon Busuttil kien il-viċi kap tal-partit fil-gvern, in-numru ta’ nies jirreġistraw kien żdied b’aktar minn erba’ persuni kull jumejn.
F’Lulju l-persuni jirreġistraw għax-xogħol niżlu għal 3,360. Dan meta mqabbel ma’ 5,062 f’Lulju tas-sena l-oħra, xahar fejn diġa’ kien hemm tnaqqis sostanzjali meta mqabbel ma’ l-istess xahar fis-sena ta’ qabel (l-2014). B’kollox kien hemm tnaqqis ta’ 1,702 persuna. Biex wara li ntlaħqet il-mira li l-qgħad jinżel taħt l-4,000 issa qed joqrob lejn it-3,000.
It-tnaqqis qawwi fil-qgħad qed jinħass l-aktar fost iż-żgħażagħ.
Fl-aħħar tnax-il xahar kien hemm tnaqqis ta’ 265 fin-numru ta’ żgħażagħ bla xogħol, jew 909 mill-bidla fl-amministrazzjoni. Miżuri bħall-garanzija għaż-żgħażagħ sa issa kienet soluzzjoni għall-problemi ta’ nuqqas ta’ xogħol ta’ sebgħa minn kull għaxar żgħażagħ qiegħda. Fil-fatt, skont il-Eurostat, pajjiżna issa għandu l-inqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Mill-bidla fl-amministrazzjoni kien hemm tnaqqis ta’ 1,370 persuna f’dawk li jirreġistraw u li għandhom età ta’ 45 sena jew aktar, kategorija ta’ nies qiegħda meqjusa fost l-aktar eskluża mis-suq tax-xogħol. Dan ifisser tnaqqis ta’ 45% mil-livell fil-bidu ta’ din l-amministrazzjoni.
Kategoriji oħra meqjusa f’riskju soċjali wkoll urew titjib. Fost dawk li ilhom jirreġistraw għal aktar minn sena kien hemm tnaqqis ta’ 1,476, jew 53% mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura. Dan kien frott miżuri biex dawk l-aktar esklużi mis-suq tax-xogħol jingħataw opportunitajiet ġodda biex itejbu l-livell ta’ għejxien tagħhom u jintegraw mill-ġdid.
Filwaqt li fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura kien hemm 563 persuna b’diżabilità jfittxu impjieg, f’Lulju li għadda kien hemm 361 persuna, iġifieri tnaqqis ta’ 56% fi ftit aktar minn tliet snin.
Dan ukoll huwa riżultat tal-miżuri ta’ inklużjoni u l-infurzar ta’ liġijiet li wettaq il-Gvern favur dawk b’diżabilità.
Matul din il-leġiżlatura, in-numru ta’ Għawdxin jirreġistraw għax-xogħol naqas għal 504 minn 742, tnaqqis ta’ 32%. Matul il-ħames snin tal-amministrazzjoni preċedenti l-qgħad f’Għawdex kien tela’ bi 2%.
Fi tmiem l-amministrazzjoni preċedenti, 7,350 persuna kienu bla xogħol, żieda ta’ kwazi elf persuna f’ħames snin. Sa issa, f’din il-leġiżlatura, l-amministrazzjoni preżenti għenet lil kważi 4,000 persuna qiegħda ssib impjieg li jixirqilha.
Il-fatt li, fi ftit aktar minn nofs leġiżlatura, pajjiżna ra n-numru ta’ dak jirreġistraw jaqa’ b’aktar min-nofs, huwa l-aqwa ċertifikat li Malta għandha ekonomija b’saħħitha u li l-politika tal-Gvern qed tagħmel differenza reali fil-ħajja tal-familji tagħna.