Aktar proġetti qegħdin jiġu implimentati bħala parti mill-Fond Festi Inklussivi, wara li lura fl-2018 is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis ressaq din l-inizjattiva bħala miżura għall-Baġit.
L-għan tal-Fond Festi Inklussivi huwa li nipprovdu għajnuna finanzjarja sabiex każini tal-banda joħorġu bi proġetti innovattivi li jassiguraw li l-festa tar-raħal jew tal-belt tagħhom tkun waħda aċċessibbli u tinvolvi l-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità u l-anzjani.
Għaldaqtant permezz ta’ dan il-Fond, il-proġetti sottomessi mis-Soċjetà Filarmonika Santa Marija Mosta u l-Għaqda Mużikali San Gejtanu Ħamrun kienu fost dsatax-il proġett li ntagħżlu mill-bord indipendenti.
Is-Soċjetà Filarmonika Santa Marija Mosta ibbennefikat minn €5,000 li permezz tagħhom din l-għaqda setgħet tagħti xandira diretta fuq it-televixin u provdiet trasport għall-anzjani fil-komunità u dawk fid-djar residenzjali tal-Mosta biex jipparteċipaw fil-kunċert li jittella’ ta’ kull sena.
Min-naħa l-oħra, l-Għaqda Mużikali San Gejtanu Ħamrun pproponiet li waqt il-kunċert mużikali tintwera l-istorja tal-patrun bil-lingwa tas-sinjali Maltija, tippubblika verżjoni bil-braille tal-istorja ta’ San Gejtanu, u li jsiru trasmissjonijiet diretti fuq Facebook. Dan il-proġett ibbenefika minn €9,000.
Fost il-persuni li bbenefikaw minn dawn iż-żewġ proġetti kienu dawk il-persuni b’diżabilità li għandhom nuqqas ta’ smigħ, dawk neqsin mid-dawl, anzjani li jgħixu fid-djar residenzjali, u persuni b’diżabilità u anzjani li ma jistgħux joħorgu mid-dar minħabba diffikultajiet ta’ mobilità.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis stqarr illi “qegħdin insegwu r-riżultati tal-proposti li kull każin tal-banda għamel biex ikun jista’ jieħu fondi għalihom”. Huwa kompla jsostni li permezz ta’ din l-għajnuna kulħadd ikollu l-opportunità jipparteċipa fil-festi f’pajjiżna, li huma ċelebrazzjoni tal-komunità sħiħa.