Kull ħames sigħat li jgħaddu, persuna f’Malta tingħata l-aħbar li għandha xi tip ta’ kanċer. Rata li kif ħabbar ilbieraħ, il-Gvern għandu l-għan li jnaqqas fis-snin li ġejjin bħala parti mill-Pjan Nazzjonali għall-Kanċer.
Filfatt, f’pajjiżna kull sena issir dijanjosi ta’ 1,800 każ ta’ kanċer, numru li hekk kif in-nies qed tgħix iżjed, mistenni jkompli jitla’. Saħansitra, il-kanċer qed iwassal għal madwar terz tal-imwiet f’pajjiżna.
Dan jikxef aktar l-irwol importanti tal-Pjan Nazzjonali li qed jitfassal bil-għan li jkollna:
– prevenzjoni aħjar,
– dijanjosi iktar kmieni, anke permezz ta’ iktar taħriġ lill-professjonisti mediċi
– trattament aħjar
– u kwalità ta’ ħajja aħjar għall-pazjenti tal-kanċer u l-familjari tagħhom.
Fiż-żmien li ġej il-Gvern se jkompli jdaħħal mediċini ġodda kontra l-kanċer fil-Formularju tal-Gvern. Wara li fil-ġimgħat li għaddew fil-Formularju tal-Gvern iddaħħlu tliet mediċini ġodda għal kontra l-kanċer.
Ix-xahar li għadda ddaħlet il-mediċina Capecitabine li minn mediċina li kienet tintuża biss għal pazjenti bil-kanċer fil-musrana, issa bdiet tintuża wkoll għall-pazjenti b’kanċer tal-istonku, tal-fwied, tal-frixa u tas-sider. Dan se jwassal biex madwar 200 pazjent kull sena jibbenifika minn din il-mediċina. Fil-ġimgħat li ġejjin ukoll se tiddaħħal sistema ġdida biex ikun trattat il-kanċer tal-urinary bladder.
Din is-sistema l-ġdida tinvolvi l-użu ta’ Mitomycin C f’doża ġdida fuq il-formularju tal-Gvern, kif ukoll apparat u aċċessorji ġodda. Mediċina oħra li se tiddaħħal hija d-doxorubicin li hija mediċina għall-kanċer avvanzat fil-fwied. Iżda mhux dawn mhux se jkunu l-unika mediċini ġodda li se ndaħħlu fuq il-formularju tal-Gvern f’dak li għandu x’jaqsam kanċer.
Fil-fatt il-pjan dettaljat jinkludi li jiddaħlu aktar mediċini, bir-raba’ waħda tkun l-enzalutamide għall-kanċer tal-prostata. Wara se jiddaħħlu aktar mediċini fosthom għall-kanċer fil-ġilda, melanoma, fil-kliewi, għall-kanċer fl-ovaries u fid-demm.
Dan kollu tħabbar ilbieraħ, hekk kif tnediet il-konsultazzjoni dwar it-Tieni Pjan Nazzjonali għall-Kanċer f’pajjiżna li tagħlaq fl-aħħar ta’ April.