Il-festi kollha se jiġu mgħejjuna bl-istess mod u se jkunu qed jingħataw €8,000 għal kull soċjetà mużikali, €5,000 se jmorru għall-għaqdiet tal-armar, u €5,000 għal kull kamra tan-nar, biex jużawhom għall-fini ta’ sigurtà.
B’hekk kull festa se tkun qed tibbenefika minn €18,000 f’assistenza, anke biex il-livell ikun jista’ jibqa’ jogħla.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Arti, l-Kultura u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, fi tweġiba għal mistoqsija Parlamentari li saritlu mid-Deputata Laburista Abigail Camilleri t-Tnejn.
Il-Ministru Bonnici żied jgħid li l-festi, li għadhom kemm ingħataw ukoll rikonoxximent internazzjonali, huma parti essenzjali mill-kultura ta’ pajjiżna.
Qal, “Żidna l-vot għall-festi, għal €700,000 biex issa ġejna f’pożizzjoni, għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna, li kull soċjetà mużikali ħa tieħu €8,000, kull kamra tan-nar se tieħu €5,000 biex imorru għal aspett ta’ sigurtà u kull għaqda tal-armar se tieħu €5,000. Ifisser li kull festa se tgawdi minn €18,000.”
Hu kompla billi spjega din l-iskema kif se taħdem, anke f’lokalitajiet fejn hemm aktar minn festa waħda, billi ta xi eżempji.
Qal, “Issa naturalment jekk hemm raħal, jien twilidt fir-raħal taż-Żejtun, għandek festa waħda, b’żewġ każini, allura kull każin jieħu €8,000 u €8,000, tal-armar €5,000 u €5,000, u tan-nar, fiż-Żejtun inzerta hemm waħda biss, tieħu €5,000, kieku hemm tnejn, €5,000 u €5,000.”
Il-Ministru Bonnici temm itenni l-importanza ta’ rikonoxximent internazzjonali għall-festi Maltin. Hu elenka dan mal-fatt li l-festa Maltija ġiet iddikjarata bħala wirt dinji intanġibbli mill-UNESCO.