Fit-tieni jum taż-żjara tal-President ta’ Malta fil-Kanada, Marie-Louise Coleiro Preca attendiet għal ċerimonja simbolika fil-Malta Park – żona b’rabta storika mal-komunità Maltija Kanadiża.
Waqt iċ-ċerimonja, il-President tat il-kondoljanzi tagħha lill-qraba tal-vittmi fl-attakk f’Toronto dan ix-xahar.
Meta ltaqgħet mal-komunità Maltija fil-Kanada, il-President Coleiro Preca rrimarkat kif kull fejn hemm persuni Maltin u Għawdxin, dejjem għamlu suċċess u kkontribwixxew għall-prosperità tal-pajjiż rispettiv.
Filwaqt li nnotat ir-relazzjoni b’saħħitha bejn Malta u l-Kanada, il-President qalet li n-numru ta’ Maltin jew dixxendenti tagħhom li jgħixu fil-Kanada jlaħħaq l-mija u sittin elf – b’erbgħin elf minnhom jgħixu f’Toronto.
Lil dawn in-nies, il-President qaltilhom li qed jagħtu viżibiltà importanti lil pajjiżna, filwaqt li bnew reputazzjoni ta’ nies bieżla li jaħdmu għall-paċi.