Il-familji Maltin u Għawdxin qed jiffrankaw mal-€10 miljun fi spejjeż relatati mat-trasport tal-iskola. Dan qalu l-Ministru Evarist Bartolo waqt konferenza stampa quddiem skola tal-Knisja f’Raħal Ġdid.
Huwa spjega kif l-ammont ta’ studenti li jużaw s-servizz tat-trasport b’xejn tela għal 28,500 tifla u tifel madwar il-gżejjer Maltin. B’kollox hemm 14,500 student mill-iskejjel tal-gvern u 14,000 minn skejjel li huma tal-Knisja u indipendenti.
Ġie spjegat li filwaqt li l-Ministeru tal-Edukazzjoni qed jamministra s-servizzi ta’ trasport lejn l-iskejjel tal-gvern, huma l-iskejjel u l-operaturi li qed jamministraw it-trasport lejn l-iskejjel indipendenti u tal-Knisja.
Il-Ministru Borg tenna li jekk wieħed jgħaqqad din il-miżura flimkien ma’ dik tal-eżamijiet tal-MATSEC u tal-past papers b’xejn għal kulħadd, kull familja se tkun qed tiffranka elf ewro fis-sena fi spejjeż li kienu relatati mal-edukazzjoni fuq kull wild.
Abigail Harmsworth li hija ġenitur ta’ tifla li tattendi skola tal-knisja laqgħet din il-miżura li apparti li qed tiffranka mijiet ta’ ewro fi spejjeż kull sena t-tifla tagħha qed tirċievi l-aqwa servizz possibli.
“Bħala sistema laqtitni tajjeb ħafna għaliex kellna gwadan ta’ ħin u anka ta’ traffic. grazzi lill-iskola u anki lix-xufiera li huma responsabbli ħafna li t-tifla jiġbruha u naf li waslet sigura wara l-bieb tal-iskola”
Emanuel Falzon, li huwa ċ-chiarman tal-koperattiva tal-minibuses spjega li b’din il-miżura ix-xufiera qed jinvesti fil-vannijiet tagħhom sabiex itejbu s-servizz offrut.
“Is-sidien tal-minibuses tagħna speċjalment tal-koperattiva qed imorru għal vetturi akbar 19 seater, 20 seater, 23 seater kollha moderni euro 6 biex inkunu nistgħu naqsu servizz aktar effiċjenti anki ħabba li d-domanda żdiedet mhux bi ftit.”
Fix-xhur li ġejjin se jiġi estiż ukoll il-proġett pilota tal-fobs. Din is-sistema li issa ġiet approvata wkoll mill-Kummissarju tad-Data se tagħti informazzjoni dwar il-vjaġġ minn u lejn l-iskola lil kull ġenitur li jagħmel użu mis-servizz.