Il-pandemija tal-Coronavirus ma waqqfitx il-ħidma tal-membri fl-Uffiċċju tal-Araldika f’Malta, li dan ix-xahar kellu jinfetaħ uffiċjalment f’Sant Iermu.
Dr Charles Gauci, il-Kap Araldiku ta’ Malta, spjega li kif tgħaddi l-imxija tal-Coronavirus, il-ħsieb hu li jibda jsir xogħol uffiċjali għall-applikazzjonijiet tal-armi minn dan l-uffiċċju fil-kapitali Maltija.
L-araldika hija l-istudju tal-armi tal-familji u ta’ istituzzjonijiet bħal skejjel, banek u knejjes, li jintużaw bħala mezz ta’ identifikazzjoni.
Dr Gauci spjega li l-ħtieġa għall-armi bdiet fis-seklu tnax meta l-Kavallieri u s-suldati bdew jużaw armaturi tal-azzar biex jipproteġu l-ġisem kollu waqt il-ġlied. Qal iżda li fil-battalji fi żmien il-Medju Evu, l-iskop ma kienx biss li toqtol lill-għadu.
Huwa spjega: “L-armi tal-familja kienu essenzjali għax mingħajrhom ma tkunx taf who’s who fuq il-battlefield. Jekk tara għadu minn familja sinjura, mhux toqtlu, tipprova taqbdu ħaj, tagħmlu priġunier biex wara l-battalja toffrih lura lill-familja għal prezz tajjeb għalhekk kien importanti li tkun tista’ tidentifika suldati tal-għadu li jiġu minn familji sinjuri biex taqbdu u tieħdu priġunier.”
L-Uffiċċju tal-Araldika f’Malta jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Heritage Malta u tal-Ministeru għall-Kultura, u l-pjan hu li se jinfetaħ il-Belt hekk kif tgħaddi l-pandemija tal-Coronavirus.
Huwa sostna: “Ix-xogħol fil-kwiet. Diġà tajna kważi għoxrin arma, kemm lill-Maltin u lill-barranin, u għandna ħafna enquiries oħrajn għaddejjin jiġifieri we are alive and kicking.”
Dr Gauci spjega li Maltin li jingħataw unur mill-istat għandhom dritt awtomatiku għal arma, inkluż kumpaniji, baned u membri tal-kleru.
Spjega li ċ-ċittadini jistgħu jew jirreġistraw arma li tkun diġà ngħatat minn awtorità araldika uffiċjali barranija jew inkella tinħoloq arma ġdida li mbagħad tgħaddi għand l-artist u jsir il-proċess bil-kulur.
“Nippreparaw dak li nsejħulu letter’s patent fejn nagħmlu l-informazzjoni kollha fuq l-applikant u fuq l-arma, jiġu ttimbrati u ffirmati minni u mir-Reġistratur tal-uffiċċju l-Kavallier Raymond Cassar, dawn imbagħad jitpoġġew f’binder tal-ġilda bl-arma tagħna embossed quddiem u hekk, l-applikant u l-familja tiegħu, ikollhom l-arma uffiċjali rikonoxxuta mill-istat Malti.”