Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu Johann Buttigieg ħabbar id-dettalji b’rabta mal-għajnuna finanzjarja addizzjonali għall-bars u l-każini li kellhom jagħlqu minħabba l-imxija.
Din l-għajnuna ser tkun maqsuma taħt tliet kategoriji differenti.
L-ewwel kategorija hija għall-bars kummerċjali fejn se jaqilgħu €2,700 kull wieħed u li jkopru l-perjodu mit-28 ta’ Ottubru sal-aħħar ta’ Frar.
It-tieni kategorija hija għall-bars li jagħmlu parti minn każini u permezz tagħha dawn se jingħataw €1,860 għall-istess perjodu tal-ewwel skema.
It-tielet kategorija hija għall-każini ħlief dawk tal-partiti politiċi fejn dawn se jaqilgħu €1,260.
Is-sottomissjonijiet għal dawn l-applikazzjonijiet iridu jsiru sal-15 ta’ Marzu fuq is-sit elettroniku tal-MTA.
Is-Sur Buttigieg stqarr: “Fil-front page ħa jsib il-latest news kemm jiklikkja fuqha u jagħżel liema skema jrid u japplika kollox online. M’għandux jiġi l-MTA jew f’xi wieħed mill-Ministeri imma kull ma għandu jagħmel huwa biss li jaċċessa l-website.”
Din l-għajnuna b’mod totali tkopri spiża ta’ €2.2 miljun.
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet tkellmu l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u Segretarju Parlamentari għall-għaqdiet Volontarji Clifton Grima.
Il-Ministru Bartolo qal kif din l-iskema hija turija konkreta ta’ kemm dan huwa Gvern għan-nies. Sostna li hemm eluf ta’ familji li jiddependu minn dan is-settur tal-ospitalità u b’hekk kompla jtenni l-kuraġġ quddiem dawn ix-xhur ta’ rkupru mill-pandemija.
Il-Ministru Bartolo qal, “Infakkar li din telqet bħala skema ta’€1 miljun meta ħabbarha l-Prim Ministru l-ewwel darba. Iżda meta rajna kemm id-diffikultajiet li bdew jaffaċċjaw u anke ż-żmien li ilhom magħluqin ħassejna li jkun importanti ħafna li nżidu l-fondi u għalhekk iktar minn irduppjajna s-somma oriġinali.”
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Grima tenna s-sodisfazzjon tiegħu għal din l-għajnuna addizzjonali li minna se jibbenefikaw ukoll madwar 90 każin tal-banda.
144 għaqda li joperaw bar u li huma rreġistrati ma’ SportMalta wkoll se jkunu qed jibbenefikaw minn din l-għajnuna.
Is-Segretarju Parlamentari Grima sostna: “Jekk wieħed iħares lejn SportMalta għandek iktar minn 144 għaqda li huma reġistrati ma’ Sport Malta, għandhom art mikrija lilhom minn Sport Malta u joperaw bar fuq din l-istess propjetà. Jiġifieri dawn jeskludu dawk li diġà jikru mill-privat jiġifieri wieħed biss jista’ jimmaġina n-numri kemm se jkunu ikbar.”