Kull sena, id-Dipartimenti tas-Central Sterile Supply u tal-Endoscopy Decontamination fl-Isptar Mater Dei, jisterilizzaw eluf ta’ strumenti u apparat mediku f’xogħol kruċjali biex jiġu evitati infezzjonijiet u riskji bla bżonn fuq il-pazjenti li jidħlu l-isptar.
Kull sena, is-CSSD u l-EDU f’Mater Dei jisterilizzaw mas-sebgħin elf sett ta’ strumenti tal-operazzjonijiet, mitejn elf strument ieħor apparti, u erbatax-il elf endoscope mediku.
Dan ix-xogħol ma jieqaf qatt u jibqa’ għaddej anki bil-lejl, minn madwar sebgħin ħaddiem li jaħdmu f’dawn id-Dipartimenti.
ONE News tkellem ma’ Dirk Farrugia, Manager fis-CSSD u fl-EDU, li spjega kif il-proċess minn x’ħin jaslu l-istrumenti sa ma jiġu steralizzati, jieħu madwar erba’ sigħat.
Qal, “L-ewwel nirċevuhom fir-reception area fejn niddeċiedu jekk hux se nagħmlu manual wash jew le, imbagħad jgħaddu għat-tieni fażi fejn ħa nagħmlu inspection, packing u anki function testing – biex inġib eżempju, imqass naraw li qed jaqta’ sew u li ma fihx sadid, u minn hemmhekk jgħaddi għall-isteralizzazzjoni.”
Dan il-proċess rigoruż jassigura li l-apparat mediku kollu użat fl-isptarijiet ikun proċessat u sterilizzat skont standards ta’ sigurtà Ewropej.
Dan jiġi vverifikat minn inġiniera speċjalizzati li jiġu Malta darba kull tliet xhur.
Dan id-Dipartiment jisterilizza l-apparat tal-isptarijiet kollha f’pajjiżna.
Qal, “Il-maġġoranza tas-settijiet u tal-istrumenti li jaslu għandna huma ġejjin mit-teatri ta’ Mater Dei però aħna nagħtu servizz lil Malta kollha fejn jidħlu Primary Health Care u sptarijiet oħra bħal San Vinċens de Paul, hawnhekk isir bażikament, l-isterilisation process ta’ Malta kollha.”
Fil-futur qrib, is-CSSD se jwettaq proċess ta’ rinovar qawwi fid-Dipartiment bil-għan li jikseb ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell li tkompli tassigura aktar kwalità fix-xogħlijiet li jsiru.
Qal, “Għandna impenn li fi żmien sentejn nilħqu l-ISO Certification jiġifieri nilħqu standard għoli internazzjonali għal kif qed naħdmu. Ir-refurbishment jgħinna ħafna biex il-workflow ta’ kif nagħmlu l-affarijiet, pass wara pass wara pass, ikun qiegħed kif suppost.”