Kuljum, fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei jidħlu medja ta’ bejn 280 u 320 persuna.
Iċ-ċifri ta’ dan is-sajf mhux biss laħqu l-livelli ta’ qabel il-pandemija, iżda saħansitra żdiedu, b’madwar 5%.
Bejn Mejju u Lulju ta’ din is-sena, il-ħaddiema fl-Emerġenza raw mal-25,000 pazjent.
Fuq in-naħa ta’ wara tal-Emerġenza, minn fejn joħorġu l-ambulanzi meta tidħol sejħa għall-għajnuna, iltqajna mal-Clinical Chairperson, Dr Patrick Farrugia.
Miegħu tkellimna dwar l-irwol tat-tobba u l-infermieri tal-Emerġenza f’każijiet bħall-inċident tat-Tnejn filgħaxija, meta saret operazzjoni ta’ salvataġġ delikata biex ittella’ żagħżugħ minn qalb l-irdumijiet.
Qal, “Jekk ikun każ partikolari bħal tal-bieraħ, għandna tobba tal-emerġenza konsulenti li joħorġu bil-karozza u jmorru fuq il-post, fejn jagħtu l-assistenza tagħhom biex il-pazjent jitwassal l-isptar fl-aħjar pożizzjoni medika possibbli, jiġifieri dawn ġieli jkollhom bżonn jagħmlu intervisti fuq il-post biex il-ħajja tal-bniedem tiġi priservata kemm jista’ jkun sakemm jaslu l-isptar – imbagħad titkompla l-kura.”
Ma’ dan id-Dipartiment imissu mal-500 mitt ħaddiem, li lkoll għandhom irwol importanti biex jiġu salvati l-ħajjiet; minn tobba sa infermiera, ħaddiema fl-ambulanzi, uffiċjali tas-sigurtà u dawk responsabbli mit-tindif.
Dawn kollha jaħdmu b’risq l-eluf ta’ pazjenti li jidħlu l-Emerġenza kull xahar, li kważi nofshom jinżammu l-isptar għal aktar osservazzjoni jew kura, filwaqt li l-oħrajn jintbagħtu d-dar.
Stqarr, “Fix-xhur tas-sajf ikollna iktar inċidenti speċjalment minħabba l-baħar u attivitajiet barra d-dar. Fix-xitwa tkun ftit żgħira differenti għax ikollok iktar mard kroniku u mard ta’ pulmun u affarijiet li jaffettwaw l-iktar lill-anzjani.”
Il-konsulent mediku saħaq li hija idea kompletament żbaljata li, min imur l-Emerġenza b’ambulanza, jinqeda malajr.
Fil-fatt, dan id-Dipartiment jaħdem b’sistema ta’ prijoritajiet skont l-urġenza tal-każ.
Qal ukoll, “Għandna ħames tipi ta’ prijorità. L-ewwel waħda hija l-iktar urġenti u l-prijorità numru ħamsa hija l-inqas li għandha bżonn riżorsi min-naħa tal-Emerġenza u, ovvjament, skont il-prijorità tal-każ, wieħed se jinqeda.”
Tmenin fil-mija tal-pazjenti li jidħlu l-Emerġenza, jaqbdu u jmorru mingħajr ma jkunu riferuti minn xi ċentru tas-saħħa jew tabib tal-familja.
F’dan il-kuntest, Dr Farrugia appella biex f’każijiet fejn ma jidhirx li jkun hemm theddida serja għall-ħajja, dak li jkun imur f’ċentru tal-kura primarja jew għand tabib, qabel jirreferi għall-Emerġenza.
Tenna, “Ħafna jgħidu għall-istennija hawnhekk, imma każijiet ta’ prijorità għolja ovvjament se jinqdew qabel għax hemm il-ħajja tal-bniedem involuta.”