“Din mhix sitwazzjoni fejn xi ħadd se jirbaħ. Din hi sitwazzjoni fejn kulħadd se jitlef xi ħaġa.” Dan il-kumment tal-Prim Ministru Malti, Joseph Muscat, minn Londra f’mument fejn qed joqrob iktar il-mument li jiskatta l-proċess li permezz tiegħu jibdew in-negozjati dwar Brexit.
Il-Prim Ministru qal li x-xewa kienet li r-Renju Unit jibqa’ fl-Unjoni Ewropea. “Ikun jaqblilna, kif nemmen li kien jaqbel għar-Renju Unit imma la ħadu d-deċiżjoni n-nies tar-Renju Unit ma nistgħu nagħmlu assolutament xejn dwar dan,” qal Joseph Muscat li tenna li x-xogħol tiegħu bħala Prim Ministru Malti hu li l-impatt negattiv jigi ridott kemm jista’ jkun.
Żied li se jkun għajnejh miftuħa wkoll għall-opportunitajiet.
“Per eżempju kumpaniji li qegħdin fir-Renju Unti illum il-ġurnata biex ikollhom aċċess għas-suq Ewropew, uħud minn dawn il-kumpaniji, kif diġa beda jiġri, nippruvaw nattiraw oħrajn lejn Malta. L-attitudni importanti. L-attitudni taghna mhix isma’ ejjew lejn Malta qisna qed nisirqu x-xogħol mill-Ingilterra. L-attitudni trid tkun li naħdmu mal-Ingliżi stess u ngħidulhom parti mis-soluzzjoni għall-problema li mhux ser ikollkom aċċess għas-suq Ewropew tista’ tkun billi parti mill-operazzjonijiet ta’ dawn il-kumpaniji jiġi Malta u jien anke f’dawn il-jiem stess li kont fir-Renju Unit kelli konversazzjonijiet biex dan il-messaġġ ikompli jasal,” qal Joseph Muscat.
Isma l-kummenti sħaħ tal-Prim Ministru fil-filmat.