F’konferenza tal-aħbarijiet it-Tlieta filgħodu, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela spjega fid-dettall il-miżura ambizzjuża ta’ aktar tnaqqis fit-taxxi għal kulħadd, jekk il-poplu jagħti l-fiduċja lill-Partit Laburista biex jibqa’ jmexxi ’l pajjiż.
Qal, “Il-Partit Laburista huwa l-Partit li jippremjak tal-bżulija. Għalhekk, se nerġgħu nnaqqsu t-taxxi. Jekk il-poplu Malti u Għawdxi jafdani fl-ewwel mandat tiegħi, fil-leġislatura li jmiss, se nnaqqsu t-taxxa tad-dħul, jiġifieri l-income tax, billi nwessgħu t-tax bands.”
Il-Prim Ministru qal li dan se jkun l-akbar twessigħ fit-tax bands fl-istorja; tliet darbiet aktar mill-akbar żieda li saret s’issa qabel il-budget tal-elfejn u sbatax, li bih se jibqa’ sitta u sittin miljun ewro fil-bwiet tal-familji, ħaddiema u nies li jaħdmu għal rashom.
Il-ħaddiema kollha u l-familji tagħhom, speċjalment dawk bi dħul baxx u medju, se jħossu l-akbar impatt pożittiv.
Il-bands tat-taxxa se jitwessgħu b’elf u seba’ mitt ewro.
Id-dħul mhux taxxabbli għall-ġenituri se jitla’ minn għaxart elef u ħames mitt ewro, għal tnax-il elf u mitejn ewro.
Id-dħul mhux taxxabbli għal persuni b’rata singola se jitla’ minn disat elef u mitt ewro, għal għaxart elef u tmien mitt ewro.
Id-dħul mhux taxxabbli għal persuni miżżewġa se jitla’ minn tnax-il elf u seba’ mitt ewro għal erbatax-il elf u erba’ mitt ewro.
Ma’ dan it-tnaqqis fit-taxxa, se jkun hemm ukoll iċ-ċekkijiet ta’ rifużjoni, b’investiment ta’ erbgħa u għoxrin miljun ewro fis sena.
Il-Mexxej Laburista qal li n-nies, il-familji, il-ħaddiema u dawk li jaħdmu għal rashom se jirċievu disgħin miljun ewro fis-sena u bit-tnaqqis fl-income tax se jibqa’ iżjed flus fl-idejn li jistimulaw aktar tkabbir ekonomiku.
Spjega, “B’dawn iż-żewġ miżuri f’daqqa, kull persuna li tħallas it-taxxa se tgawdi minn tal-inqas mitejn u ħamsa u ħamsin ewro fis-sena sa massimu ta’ tliet mija u ħamsa u sittin ewro fis-sena fil-but tagħha bejn tnaqqis u rifużjoni.”
Għall-ewwel darba wkoll, se tonqos ir-rata tat-taxxa korporattiva minn ħamsa u tletin fil-mija għal ħamsa u għoxrin fil-mija fuq qligħ ta’ kwart ta’ miljun ewro.
Min igawdi minnha se jiffranka mal-ħamsa u għoxrin elf ewro fis-sena.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri qal li din il-miżura waħedha se tieħu lin-negozji f’pajjiżna għall-pass li jmiss.
Qal, “Issa jmiss li l-Gvern ikompli juri kemm verament, bil-fatti, huwa pro-market u għalhekk it-tnaqqis tal-Corporate Tax hekk kif imħabbar illum stess mill-Prim Ministru fl-eventwalità tal-programm elettorali tal-Partit Laburista fil-Gvern, se naraw li nagħtu impetus ġdid biex ikun sors ta’ dħul ieħor lill-istess negozji, li ovvjament se jservi biex ikompli jsaħħaħ in-negozji f’pajjiżna.”
Il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana ta spjegazzjoni dettaljata tal-finanzi rispettivi għal din il-miżura u qal li jħares ’il quddiem li jitwettqu fil-futur qrib.
Qal, “M’aħniex ħa nkunu qegħdin inwiegħdu tnaqqis fit-taxxi u li nżidu ċ-ċekkijiet u nimplimentawhom fl-aħħar sena tal-leġislatura. Żgur mhux se jkun il-każ. Kif fl-aħħar budget li kellna, kulħadd kien qed jitkellem li dak kien budget soċjali, hekk ukoll inħares li fil-ħames budgets li ġejjin, dan il-Gvern se jkun jista’ jimplimenta dawn il-wegħdiet.”