Kull persuna li tattendi skola f’Malta u ssegwi l-kurrikulu nazzjonali trid titgħallem il-Malti.
Din hija stqarrija importanti hekk kif tnediet il-politika nazzjonali tat-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija.
Din il-politika hija miftuħa għall-konsultazzjoni u qed jiġi propost li kull persuna f’Malta jkollha ħiliet differenti fil-lingwa Maltija.
Il-Malti mgħallem bħala lingwa barranija li qed ikun deskritt bħala MLB mistenni jara li tfal migranti u dawk li għandhom ġenitur wieħed b’karta tal-identita mhux Maltija jitgħallmu l-Malti bħala lingwa barranija.
“Għandhom jiġu stabbiliti proċeduri għar-reġistrazzjoni tat-tfal għall-MLB”, tisħaq din il-politika nazzjonali miftuħa għall-konsultazzjoni.
Waqt it-tnedija l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo saħaq li huwa importanti li anki l-barranin f’Malta jitgħallmu l-Malti.
“Min jiġi jaħdem hawn għandu jkun jaf jitħaddet bil-Malti”, saħaq Evarist Bartolo.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Permanenti Frank Fabri spjega kif sa issa ‘l bibien huma magħluqa għal min hu barrani u jixtieq jitgħallem il-Malti meta jitfaċċa fl-iskejjel tagħna f’eta mhux bikrija.
Intqal li l-għalliema tal-Malti għandhom ikollhom tħejjija meħtieġa biex jgħallmu l-MLB bħala suġġett.
Id-dokument dwar il-politika nazzjonali għat-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija jitkellem ukoll dwar perjodu tranżitorju ta’ tħejjija għall-istudenti migranti li ma jkunux jafu la bil-Malti u lanqas bl-Ingliż.
Il-konsultazzjoni hija miftuħa sal-aħħar t’Ottubru.