Fl-indirizz tiegħu waqt it-tielet edizzjoni tal-‘Malta Asset Management Forum’, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri insista li kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu biex tinżamm ir-reputazzjoni eċċellenti li jgawdi pajjiżna fuq livell internazzjonali.
“Ir-reputazzjoni internazzjonali ta’ pajjiżna mhix biss ir-responsabbiltà tal-Gvern imma ta’ kulħadd”, kompla Silvio Schembri.
Silvio Schembri spjega li l-Gvern qed jaħdem biex jesplora niċeċ ġodda fis-settur finanzjarju.
Is-Segretarju Parlamentari kompla li l-pass naturali li jmiss hu li tiġi esplorata l-industrija tal-Fintech, li għandha tkun il-mutur ewlieni għal iżjed tkabbir fis-servizzi finanzjarji.
“Filwaqt li konxji li m’aħniex l-uniku pajjiż li qed nesploraw din l-industrija, nemmnu li nistgħu niggwadanjaw ħafna billi noffru prodott differenti u iżjed speċjalizzat”, qal Silvio Schembri filwaqt li żied li l-Gvern diġà qed jaħdem dwar dan billi qed isiru l-preparamenti meħtieġa sabiex titwaqqaf taskforce li l-għan tagħha hu li jattira kumpaniji mill-qasam tal-Fintech u tar-Regtech.
“Bħala Gvern nemmnu l-użu ta’ disruptive technology se joffri opportunitajiet kbar tant li qed isiru l-isforzi kollha sabiex pajjiżna jkollu l-aħjar qafas leġiżlattiv biex jattira u jsostni l-attivitajiet li jsiru b’rabta ma’ dan il-qasam f’pajjiżna”, qal Silvio Schembri.
Il-‘Malta Asset Management Forum’ ittella’ minn Deloitte, Ganado Advocates u Alter Domus u kienu mistiedna u attendew l-imsieħba li jaħdmu fl-industrija tas-servizzi finanzjarji f’pajjiżna.