Minn dan il-perjodu negattiv li għaddejjin minnu bħalissa, toħroġ lezzjoni għall-futur, li kulħadd huwa ndaqs.
Kliem il-Prim Ministru Robert Abela meta fil-programm Pjazza, qal li aħna lkoll bnedmin u li l-mard ma jagħmilx distinzjoni.
Il-Prim Ministru spjega: “Kollha bnedmin u f’dal-perjodu negattiv irrealizzajna li fil-ħajja kulħadd indaqs. Il-mard jolqot lil kulħadd. M’għandna qatt ninsew din il-lezzjoni tant importanti li ħadd mhu iktar minn ħaddieħor. Kulħadd huwa ndaqs, irrispettivament minn kemm għandek flus, irrispettivament mill-isfond soċjali. Dan huwa l-kunċett tal-ugwaljanza, li kulħadd huwa l-istess.”
Il-Prim Ministru qal li deħlin fi ġranet fejn kulħadd għandu jħoss sens ta’ responsabbiltà. Qal li anki hu qed iħoss il-piż imma l-poplu għandu fiduċja fl-awtoritajiet Maltin u dik hija xi ħaġa li timlih b’kuraġġ.
Huwa sostna: “Faċli tkun viċin in-nies fi żmien tajjeb u pożittiv. Ilbieraħ filgħaxija żort lill-forzi tal-ordni. Bħalissa kulħadd iħares lejn il-politiċi, imma huma dawn in-nies li tant qed jaħdmu għal pajjiżna. Dan hu l-mument li jiddefinixxi kemm aħna poplu kbir. Kemm jien kburi bil-forzi tal-ordni.”
Il-Prim Ministru qal li qed ngħixu żmien meta l-isforz ta’ kulħadd huwa ugwali. Qal li jinsab kalm għaliex il-pajjiż kien imħejji. Spjega li n-numri tat-Tlieta kienu antiċipati, id-domanda kienet meta se tiġri.
Filwaqt li jaċċetta kull kritika, Dr Abela esprima d-diżappunt tiegħu għall-fatt li f’mument tant sensittiv ikun hemm min jipprova jikseb punti politiċi. Saħaq li l-avviżi legali kollha li ħarġu fl-aħħar jiem, kienu ffirmati minnu, mid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci. Qal li dejjem ħadmu flimkien u dejjem ħarġu b’verżjonijiet li qablu dwarhom.
Il-Prim Ministru kompla jgħid: “Li tipprova tirkeb fuq is-sens ta’ biżà tal-poplu f’dan iż-żmien tant delikat hija xi ħaġa li ma tistax tinħafer u tweġġagħni ħafna. Affarijiet li ma jaqblu xejn f’dan il-mument ta’ għaqda fejn kulħadd qed jiġbed ħabel wieħed. Nagħmel dan l-appell lill-Partit Nazzjonalista, bla ma naqa’ fin-nassa partiġġjana – ejja ħa nkunu flimkien.”
Dwar l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern, il-Prim Ministru qal li sa mumenti qabel attenda għall-programm, kien qed jiddiskuti aktar miżuri biex jgħinu lin-negozji u l-ħaddiema ta’ pajjiżna.
Qal li qed ngħixu pandemija li mhux se tħalli biss effett mediku imma wkoll efuq l-ekonomija u l-industriji.
“Il-priorità tibqa’ s-saħħa imma nħares lejn dak il-mument fejn il-Gvern juri xi jsarraf. Aħna Gvern magħruf kemm il-qgħad inġibuh fix-xejn. Ilqajna għall-isfidi b’mod responsabbli u nuru xi nsarrfu fit-tisħiħ tal-ekonomija u t-tkattir tal-impjiegi.”
Il-Prim Ministru qal li jinsab kburi bil-poplu Malti li wieġeb b’mod responsabbli u reġà appella li dawn huma jiem ta’ sagrifiċċji iebsa, u qal li jekk il-poplu mhux se jkun dixxiplinat, il-Gvern se jkollu jżid il-miżuri.
Il-Prim Ministru saħaq: “Żmien aħjar se jiġi żgur. Dik hija l-unika ħaġa li nista’ ngħid b’ċertezza. Kemm idum ma jiġi jiddependi min-nies. Ejja ħa nkunu flimkien f’das-sagrifiċċji. Responsabbiltà kollettiva li rridu nerfgħuha bħala poplu.”