Fil-ġimgħa li eluf ta’ studenti bdew jirċievu r-riżultati tal-eżamijiet, ħafna jibdew jgħaddu minn emozzjonijiet imħallta – min ferħan għax ġab dak li xtaq, u min diżappuntat għax m’għaddhiex mill-eżamijiet.
Iżda fil-ħajja dejjem hemm it-tieni ċans, u f’dan il-kuntest, tkellimna mal-psikologa Katya De Giovanni.
Hija saħqet fuq l-importanza li wieħed ma jaqtax qalbu u jfittex l-għajnuna.
De Giovanni qalet, “Dak il-ħin tal-eżami huwa ritratt wieħed biss minn ħajtek kollha, jiġifieri wieħed m’għandux jassoċja l-awto-stima tiegħu ma’ dak ir-riżultat u hawn diversi istanzi fil-ħajja u anki eżempji ta’ nies li f’ċertu eżamijiet marru ħażin, reġgħu għamluhom, ma qatgħux qalbhom, u mxew ħafna ’l quddiem.”
Staqsejna lill-psikologa dwar l-irwol tal-ġenituri f’dan kollu, u saħqet kemm huwa importanti li juru mħabba bla kundizzjonijiet.
Hi qalet, “Jiġri x’jiġri fil-ħajja bħala ġenituri għandna nuru sapport, dejjem, għal dak li jiġri lit-tfal tagħna. Jiġifieri aħna lit-tfal tagħna m’għandniex b’ebda mod jew inqabbluhom ma’ ħaddieħor jew inkella b’xi mod naqtgħulhom qalbhom għaliex seta’ ġara dak li seta’ jiġri fl-eżamijiet. Mhux kulħadd ikun performer tajjeb fl-eżamijiet u għaldaqstant wieħed irid dejjem ikun wara t-tfal tiegħu biex jirnexxielhom isibu l-milja ta’ ħajjithom.”
Katya De Giovanni saħqet li n-nuqqas ta’ qbil bejn il-ġenituri dwar il-vjaġġ edukattiv tal-ulied, jista’ jħalli effett serju fuq il-ħajja tat-tfal.
Qalet ukoll kemm huwa importanti li l-ġenituri jkunu pożittivi m’uliedhom, għaliex dak li jingħad fit-tfulija, jista’ jibqa’ jinġarr tul il-ħajja.
Stqarret, “Kemm jista’ jkun inkunu pożittivi mat-tfal għax dak li ngħidulhom jibqa’ anki fil-ħsibijiet tagħhom meta jsiru adulti, jiġifieri li nkunu pożittivi, li naraw is-sabiħ tagħhom u li nagħmlulhom kuraġġ hija importanti dejjem.”
Il-psikologa tenniet li kulħadd għandu l-potenzjal tiegħu u għaldaqstant, huwa ta’ detriment jekk ikun hawn ġenituri li jqabblu lil uliedhom mal-aħwa jew tfal oħra.
Qalet, “Avolja l-eżamijiet jużaw l-istess riga, mhux kulħadd jista’ jitkellem bl-istess riga. Mill-esperjenza, naf tfal li ġabu kollox A jew kollox 1 fl-eżamijiet, imbagħad ma kinux kapaċi jissoċjalizzaw ma’ ħaddieħor, jiġifieri llum nemmnu f’intelliġenzi diversi, mhux f’intelliġenza waħda, u għaldaqstant kemm jista’ jkun m’għandniex inqabblu u m’għandniex nesaġeraw fil-kummenti tagħna fuq Facebook.”
Ix-xhur tas-sajf joffru t-tieni ċans lil ħafna studenti, u l-appell hu biex min m’għaddiex minn xi eżami, ifittex l-għajnuna, anki permezz tal-klassijiet ta’ reviżjoni mingħajr ħlas li jsiru mill-Gvern.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit www.jobplus.gov.mt/revisionclasses.