“Kulħadd għandu jkollu l-istess opportunità fil-ħajja biex jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu.”
Dan kien il-messaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’intervista fuq ONE Radio l-Ħadd filgħodu, li fiha semma l-iskema l-ġdida New Hope.
Skema li permezz tagħha, persuni b’kundizzjonijiet mediċi jistgħu jikkwalifikaw għal polza ta’ assigurazzjoni fuq saħħithom li twassal biex jissellfu mill-banek u jkunu jistgħu jixtru proprjetà.
Hawnhekk qasam esperjenza li ltaqa’ magħha li anke mbuttatu biex jaħdem fuq din l-iskema.
“Kienet ukoll esperjenza ta’ persuna li kont iltqajt magħha fl-uffiċċju tiegħi, lejlet ma kienet se titlaq lejn l-Ingilterra għal intervent maġġuri u niftakar kien qalli ‘jien naf li se nfiq imma meta se niġi lura naf li ma nistax nibni l-familja tiegħi u naf li ma jistax ikolli d-dar tiegħi’ u niftakar il-Ħadd ta’ wara kont tkellimt il-Belt u wgħedt li b’mod jew ieħor ser naslu għal soluzzjoni biex ir-realtà ta’ din il-persuna nagħmlu skema biex nindirizzaw dik it-tbatija partikolari.”
Il-Prim Ministru fakkar kif kien Gvern Laburista li ta serħan il-moħħ lil bosta familji b’rabta mal-kera ta’ qabel l-1995, u assigura li ħadd minn dawk milquta mhu se joħroġ ċenteżmu aktar minn butu.
“Is-serħan il-moħħ li stajt nagħtih b’wiċċi minn quddiem kien li titla kemm titla l-kera mhux se joħroġ ċenteżmu aktar minn dak li qed iħallas illum minn butu u li d-differenza kollha sa 10,000 fis-sena se jagħmel tajjeb għaliha l-Gvern. Bl-istess mod jekk xi darba niltaqa’ mas-sid ta’ dik id-dar b’wiċċi minn quddiem se ngħidlu li dik id-differenza fil-kera li ħaqqu għax il-proprjetà hija tiegħu se jkun qed jagħtihielu l-Gvern.”
Fuq l-istess tema, il-Prim Ministru rrimarka kif fi żmien qasir, eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin saru sidien ta’ djarhom.
Dan anke grazzi għal bosta skemi li daħħal Gvern Laburista tul is-snin.
“Fl-2012 kellna 118,000 familja li kienet sid ta’ darha. Illum għandna mija u wieħed u ħamsin elf familja li hija sid ta’ darha, tlieta u tletin elf familja iżjed f’medda tant qasira ta’ żmien li saret sid ta’ darha jiġifieri meta tara b’mod konkret dawn il-miżuri kif jissarrfu x’riżultat jagħtu hemmhekk fejn verament tkun kburi bil-ħidma li qed inwettqu.”