Il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 2017 qed tagħti spazju lit-tradizzjonijiet u t-talent lokali. Għalhekk ma setax jonqos li l-programm kulturali jinkludi wkoll il-karnival ta’ Malta. Il-Presidenza kkummissjonat karru trijonfali biex jifforma parti minn wieħed mill-aktar avvenimenti popolari fil-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna. Fil-karnival ta’ Malta ta’ din is-sena se naraw karru frott ta’ kollaborazzjoni bejn il-karikaturist Ingliż Steve Bell u l-kumpanija tal-karnival Ċiċċo, ibbażat fuq tema tal-Unjoni Ewropea. Id-disinn uniku ta’ dan il-karru jgħaqqad il-passjoni Maltija għall-karnival mal-identità Ewropea. Dan il-proġett sar b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti.
Steve Bell huwa karikaturist li jaħdem ma’ ‘Belltoons’ u ma’ ‘The Guardian’; it-temi tiegħu jiffukaw fuq riflessjonijiet diretti dwar il-ħajjiet politiċi tagħna ta’ kuljum, u se jkun qiegħed jagħmel kollaborazzjoni ma’ fabrikatur tal-karrijiet lokali, Norman Hill, sabiex jiddisinja dan il-karru bit-tema tal-Unjoni Ewropea.
Il-karru tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 2017 jixħet dawl fuq ir-realtà li l-Unjoni Ewropea qiegħda attwalment tiffaċċja, b’rabta mal-iżviluppi riċenti li seħħew fil-pajjiż nattiv ta’ Bell. Dawn iż-żewġ artisti għandhom l-intenzjoni li jippreżentaw l-attwalità politika tal-Unjoni Ewropea, billi jaqsmu l-fruntieri u jgħaqqdu s-satira ingliża mal-kreattività maltija, u juru li fl-aħħar mill-aħħar, ilkoll ninsabu fl-istess ilma.
Il-kuluri tal-karnival se jistabbilixxu parti mill-identità kulturali tal-gżira, li kull Malti għandu jkun kburi biha, u jaqtgħu l-aqwa figura possibbli quddiem il-bqija tal-Istati Membri tal-UE. Il-ġimgħa tal-karnival ser tkun mill-24 sat-28 ta’ Frar.