Kuċċier ta’ karozzin tilef il-kontroll tal-karozzin wara li għal xi raġuni ż-żiemel sfratta u ħarab. Konsegwentement, il-kuċċier li għandu 55 sena, residenti Tas-Sliema, waqa’ minn fuq il-karozzin u ġarrab xi ġrieħi.
L-inċident seħħ dalgħodu, għall-ħabta tas-sitta neqsin kwart fi Triq ix-Xatt, Tal-Pietà.
Jidher li ż-żiemel waqa’ ftit ‘il bogħod u wkoll ġarrab xi ġrieħi. Għaldaqstant, il-membri mill-Animal Welfare issejħu fuq il-post sabiex jassistu liż-żiemel.
Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza u iktar tard huwa ġie iċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja sabiex jiġi stabbilit x’seta’ ikkawża dan l-inċident.