Ktieb tal-komiks iddisinjat mill-WasteServ se jgħin biex it-tfal jitgħallmu dwar is-separazzjoni tal-iskart u kif l-istudenti jistgħu jagħmlu differenza fil-ħarsien tal-ambjent. Il-komiks jirrakkontaw l-istorja ta’ żewġ karattri – Commander Yellow u General Buzz – li jittrasformaw f’eco-warriors.
Il-komik bit-titlu ‘Let’s Join Forces’, flimkien ma’ boardgame, se jitqassmu fl-iskejjel kollha tal-Istat, tal-Knisja, u privati lit-tfal mill-Year 1 sa Year 8 sabiex it-tfal jiġu mgħallma dwar l-ambjent u l-immaniġġjar tal-iskart.
Meta ppreżentaw dan il-materjal edukattiv lill-istudenti fl-Iskola St Dorothy’s, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima ħeġġew lill-istudenti u lill-edukaturi biex jagħmlu użu tajjeb min dan il-ktieb. Minbarra l-ktieb tal-komiks, l-istudenti ħa jirċievu wkoll oġġetti oħra li juru kif is-separazzjoni tal-iskart tista’ tkun xi ħaġa li jieħdu gost jagħmlu, filwaqt li jiġu mħeġġa jagħmlu għażliet favur l-ambjent.
Akkumpanjati mill-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca, il-Ministri ddiskutew mal-istudenti l-aspirazzjonijiet ambjentali tagħhom u l-importanza ta’ separazzjoni xierqa tal-iskart.