F’Malta waqt it-Tieni Gwerra Dinjija kien hawn żewġ gazzetti li jiġu ppubblikati kuljum; it-Times bl-Ingliż u l-Berqa bil-Malti.
Dawn il-gazzetti baqgħu jiġu ppubblikati kuljum tul il-gwerra u jagħtu stampa ċara ta’ x’ġara f’dan iż-żmien diffiċli.
Il-lettur fl-Università ta’ Malta, Martin Debattista għamel riċerka li fiha jitfa’ dawl fuq il-ħajja u l-esperjenza tal-gazzetti f’din l-epoka.
Din ir-riċerka bdiha għat-teżi tiegħu u wara ippubblikaha fi ktieb, bl-isem ta’ The Front Page on the Front Line – The Maltese Newspapers and the Second World War.
Debattista qal, “Dak iż-żmien il-gazzetti kienu joħorġu biss b’erba’ paġni, minħabba li kien hawn nuqqas ta’ karta u riedu jibżgħu għaliha. Kien hawn ukoll problema ta’ inka, allura riedu kemm jista’ jkun inaqqsu r-ritratti u kienu jżommu t-test. Però bħala esperjenza ta’ gazzetti huma għajn ta’ informazzjoni importanti għax dawn mhux biss kienu jirriflettu l-propoganda ta’ dak iż-żmien, imma kienu jirriflettu wkoll x’kienu qed jaħsbu n-nies.”
Huwa semma xi stejjer li ħarġu f’dawn il-gazzetti.
Hawn stqarr, “Per eżempju l-kritika li kienet issir kontinwament dwar nuqqas ta’ xelters fil-bidu tal-gwerra, kritika kontra l-kwalità tal-ikel fil-Victory Kitchens, xi ħaġa li aħna l-Maltin diġà konna nafu dwarha, imma anki l-editorjali tal-gazzetti nsibu fihom ukoll. Però mbagħad kellek element ta’ propoganda, per eżempju li tara editorjali illi jgħajjru lit-Taljani illi huma kodardi, illi dawn malli jaraw il-fighters telgħin minn Malta u jisparaw il-kanuni tagħna, dawn idawru denbhom jew inkella li l-flotta Taljana, din dejjem fil-port ma tridx tiġġieled, anki kontra Ġermaniżi li l-propoganda tagħna li dawn ma kinux jemmnu f’Alla u kienu kontra l-Kristjani.”
Wara l-1943, il-gazzetti bdew ibiddlu n-narrattiva tagħhom dwar Malta.
Dan bit-twelid tal-gazzetta tal-General Workers’ Union u anki meta twieldet l-ewwel gazzetta favur il-Partit Laburista.
Qal, “Jiġifieri naraw ukoll illi kien hemm bidla approfonda fil-qasam tal-ġurnaliżmu Malti, li dan kellu jibqa’ għal dejjem jibqa’ sejjer għal ġlidiet li kellna fis-snin 50 u 60, sabiex ħadna l-Indipendenza.”
F’dan il-ktieb, wieħed jista’ jsib fost l-akbar episodji tul il-gwerra, fosthom l-għoti tal-George Cross mir-Re Ingliż.