Ktieb ġdid bl-isem ‘Impression of an Island’ qed jimmarka l-għaxar anniversarju tal-Malta Comic Con.
Il-ktieb fih bosta tpinġijiet tal-comics li juru s-sbuħija ta’ pajjiżna u dak li hu Malti. Dan sar b’kollaborazzjoni bejn Malta Comic Con u Heritage Malta.
It-tpinġijiet huma xogħol artisti li f’dawn l-għaxar snin ħadu sehem f’Malta Comic Con.
Godwin Vella, il-maniġer tal-publikazzjonijiet tal-Heritage Malta, saħaq li bi proġetti bħal dawn il-patrimonju Malti ikun iktar aċċessibli għal kulħadd.
“Permezz tiegħu stajna nżewġu dan l-apprezzament għal dan il-ġeneru partikolari ta’ arti, t’arti popolari, flimkien mal-patrimonju u allura rajna l-potenzjal li nagħmlu l-publikazzjoni propju biex nippromovu l-patrimonju tagħna.”
L-organiżżatur tal-Malta Comic Con, Fabio Agius qal kif filwaqt li diġa jeżistu bosta kotba fuq il-patrimonju Malti, din il-publikazzjoni hija l-ewwel waħda tax-xorta tagħha hekk kif issa s-siti differenti se jkunua kkumpanjati b’interpretazzjoni artistika.
“Għandna ħafna kotba fotografiċi u ta’ storja ta’ Malta li huma diġa qiegħdin hemmhekk u tajbin ħafna, pero din hija medium ġdida fejn tista’ tilħaq tip ta’ udjenza ġdida wkoll jiġifieri u ovjament ikollok iktar fan base kemm għalina u kemm għal kultura maltija.”
Il-Ministru Owen Bonnici li inawgura l-kollaborazzjoni faħħar il-publikazzjoni u stqarr li proġetti bħal dawn jagħtu ġieħ lill-patrimonju Malti u t-talent artistiku.
Il-ktieb kien appoġġjat minn Valletta 2018 u jista’ jinxtara mill-Malta Comic Con fl-MFCC f’Ta Qali.
Il-Comic Con tiġbed ukoll bosta artisti mondjali. Dawk li attendew tul il-ġurnata tas-Sibt setgħu jiltaqgħu mal-artist wara l-leħen ta’ Bumble Bee fil-films popolari Transformers. Mark Ryan huwa wkoll l-attur wara l-karattru ta’ Mr.Gates fit-teleserje Black Sails.
Huwa stqarr ma’ One News li filwaqt li huwa kien mistieden f’bosta konvenzjonijiet madwar id-dinja, dik ta’ Malta tatih iktar opportunitá li jitkellem ma’ dawk preżenti. Dan filwaqt li Malta hija l-post ideali għall-avvenimenti bħal dawn.
“Malta is a great place to do it because you got the history here, you got the history of the knights, you’ve got the history, the second world war history, you’ve got all of that, rich, thousands of years going back to Neolithic times, and I think a lot of people that are into comics are into science, and history and myths and magic and all that kinda stuff. So this is a great location to do it.”