Novelli miktubin mill-Maltin tal-Eġittu se jerġgħu jaraw id-dawl f’pubblikazzjoni ġdida tagħhom bi studju dwar il-letteratura ta’ ħutna emigranti fl-ewwel nofs tas-seklu l-ieħor.
L-antoloġija ta’ novelli ‘Minn Xtut in-Nil’ issa tkun ippubblikata f’edizzjoni ġdida mill-SKS.
Mal-20,000 Maltin u Għawdxin kienu emigraw lejn l-Eġittu fis-snin ta’ wara l-Ewwel Gwerra Dinjija u nxterdu max-Xmara Nil u minn hemm marru, fost oħrajn, f’Lixandra, f’Port Said u fil-Kajr.
Ivo Muscat Azzopardi u Anton G. Said kienu l-protagonisti biex ħarġet din l-antoloġija.
Muscat Azzopardi kiteb erba’ novelli bl-isem ‘Is-Sarraf’, ‘Fuq it-Tramm’, ‘Qerq!’ u ‘Mewt lill-Imħabba’.
Anton G. Said kiteb ‘Meta x-Xitan Ideffes Denbu’. Ant. Bajada kiteb ‘Nisa!’, waqt li F.G.C. kiteb in-novella ‘Fit-Theżżiża ta’ Malta tas-Sena 1887’.
Tkellimna ma’ Joe Borg, id-Direttur tal-SKS, li qalilna aktar dwar x’għandu jistenna l-qarrej minn din il-pubblikazzjoni ġdida.
Qal, “L-antoloġija tinkludi ‘L-Imħerwel’ ta’ Richard Zahra. Hemm ukoll tliet novelli ta’ żewġ nisa. Waħda minnhom – ‘Il-Għażla ta’ Klara’ – inkitbet minn Mary Said. In-novelli l-oħrajn, ‘Id-Dmir’ u ‘Rosette’, inkitbu minn Marie Greck, Griega li żżewġet lil Mro Alexandre Greck fl-Eġittu, iżda mietet f’qasir il-għomor qabel ġiet ippubblikata l-ewwel edizzjoni.”
Novella oħra, ‘Il-Gidba tal-Mejjet’, hi ħrafa Għarbija li nqalbet għall-Malti minn Salem Ħasan, Eġizzjan li tgħallem sew l-ortografija tal-għaqda, u tgħallem jikteb bil-Malti daqs sħabu tal-għaqda.
‘Minn Xtut in-Nil’ se jkun għall-bejgħ għall-ewwel darba nhar il-Ħadd fil-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista bil-prezz imraħħas ta’ €10, qabel jibda jinbiegħ mill-ħwienet tal-kotba.