Dari s-suġġett tal-istudji soċjali seta’ kien ibeżża’ t-tfal għaliex kien jeħtieġilhom jistudjaw ħafna bl-amment iżda issa għall-ewwel sentejn tas-sekondarja, l-istudenti għandhom żewġ kotba mill-aktar interattivi.
Dawn il-kotba għandhom bażi iżjed soda fejn jidħol it-tagħlim relatat mal-Unjoni Ewropea.
Dan il-ktieb ħa jkun provdut kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż.
L-Uffiċjal Edukattiv tal-Istudji Soċjali fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, Brian Chircop spjega kif kien hemm bosta għalliema li taw sehemhom fit-tfassil ta’ dan il-ktieb.
Huwa qal: “Il-bżonn kien li l-istudenti jkollhom textbook għas-suġġett biex ikollhom l-informazzjoni bażika tas-suġġett miġbura kollha fi ktieb wieħed”.
Il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummisjoni Ewropea f’Malta, Dr Elena Grech, stqarret li r-Rappreżentanza dejjem ħadmet għal iżjed inklużjoni ta’ materjal Ewropew fl-edukazzjoni sabiex jkompli jitkattar l-għarfien.
Il-Ministru Bonnici saħaq li dejjem huwa importanti li jkun hemm tagħlim frisk.
Huwa stqarr: “Aħna nitkellmu dwar diversi proġetti maġġuri iżda l-iżjed ħaġa importanti huwa it-tagħlim li jsir fil-klassi. Illum qed nitkellmu dwar proġett li sar mill-edukaturi tagħna illi biss saħħa tiegħu aġġornaw it-tagħlim li aħna ħa nkunu qed nagħtu fl-Istudji Soċjali.”
Is-Segretarju Permanenti Frank Fabri, sostna kif l-edukazzjoni fl-Istudji Socjali hija importanti sabiex it-tfal tagħna jkomplu jiżviluppaw f’ċittadini attivi.