Imniedi ktieb ġdid dwar wieħed mill-akbar personaġġi nazzjonali, Manwel Dimech fejn fih wieħed isib l-istorja ta’ ħajtu, il-filosofija tiegħu u l-mewt.
Ktieb li jgħina nifhmu aħjar min aħna u x’irridu nkunu, u fuq kollox li jiddistingwixi l-identità tagħna minn kulturi oħrajn.
L-identità iċċelebrata madwar Manwel Dimech hija t-tema ewlenija ta’ kommemorazzjoni li saret it-Tnejn filgħaxija f’Misraħ Kastilja, id-data li taħbat is-96 anniversarju mill-mewt ta’ Dimech, b’din it-tifkira ta’ din is-sena se tiftaħ l-aħħar ftit snin li jwasslu għall-ewwel ċentinarju mill-mewt tiegħu fl-2021.
L-awtur tal-ktieb Mark Montebello spjega li dan il ktieb huwa ġabra tal-istorja ta’ Dimech mill-bidu sal-aħħar fejn spjega kif Dimech jibqa’ jgħallimna.
F’din l-okkażjoni l-awtur preżenta il-ktieb lil-Prim Ministru Joseph Muscat, liema ktieb jiġbor fih l-ħajja ta’ Dimech bil-Malti, illustrat b’rirtratti ta’ Dimech u dokumenti marbuta mal-eżilju tiegħu.
Joseph Muscat faħħar is-sehem ta’ Manwel Dimech u l-kisbiet li rnexxilu jagħmel fi żminijiet turbolenti.
Il-Prim Ministru rrefera għal kif kważi nofs dawk li kienu għal kollox dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali illum qegħdin fid-dinja tax-xogħol u qed jikkontribwixxu fl-ekonomija tagħna.
X’hemm isbah milli bniedem tatih dinjità permezz tal-ħiliet tiegħu u jidħol fid-dinja tax-xogħol, stqarr il-Prim Ministru filwaqt li tenna li għad-fadal sfidi relatati mal-eredikazzjoni tal-faqar.
Il-Prim Minsitru qal li se jkunu ghaddejja tahdidiet biex Manwel Dimech jibda jitfakkar b’mod nazzjonali.