“Karolina, Ferdi u s-Saħħar il-Ħażin”, huwa l-isem ta’ ktieb ġdid immirat għat-tfal tal-primarja, biex iqajjem diskussjoni dwar il-fenomenu tal-vjolenza domestika.
Fit-tnedija ta’ dan il-ktieb, iż-żewġ awturi spjegaw kif il-ħsieb warajh huwa li tfal li jkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet ta’ vjolenza domestika d-dar, jirrealizzaw li mhumiex waħedhom, u li jistgħu jitkellmu dwar din is-sitwazzjoni diffiċli.
Dr Clarissa Sammut Scerri, li tmexxi d-Dipartiment tal-Istudji tal-Familja fl-Università ta’ Malta, spjegatilna l-qafas tal-istorja.
Il-mod kif tiżvolġi l-istorja, iwassal messaġġ li fil-ħajja, xejn mhu perfett, u l-importanti hu li tkun imdawwar b’nies li jħobbuk.
Dan is-sentiment esprimietu l-awtriċi l-oħra tal-ktieb, Audrey Friggieri, li hija wkoll il-Kummissarju kontra l-Vjolenza Domestika.
Hija tkellmet dwar l-importanza tal-letteratura f’sitwazzjonijiet bħal dawn, għaliex wieħed ikun qed jitkellem dwar l-istorja fittizja imma fl-istess ħin iwassal messaġġi li jolqtu l-bniedem fil-laħam il-ħaj.
Il-Ministru responsabbli mis-settur soċjali f’pajjiżna, Michael Falzon fakkar kif it-tfal huma vittmi ta’ dawn is-sitwazzjonijiet, li jġibu magħhom ħafna mistoqsijiet.
Elenka l-impenn u x-xogħol li sar mill-Gvern biex is-servizzi lill-vittmi ta’ dan il-fenomenu, jissaħħaħ, fl-istess waqt li tonqos it-tabù.
Huwa semma wkoll iż-żieda fil-każijiet irrappurtati, li qed twassal biex kemm il-vittmi u anki l-aggressuri, jirċievu l-għajnuna li jkollhom bżonn.