Ilbieraħ, il-Ħamis 18 ta’ Mejju l-Iskola St Michael bdiet l-aħħar sensiela ta’ attivitajiet li se jġibu fi tmiemhom iċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru l-75 sena mit-twaqqif tagħha. Fl-Awditorju sabiħ li s-Soċjetà tal-MUSEUM għandha fil-Blata l-Bajda li ġie rinnovat riċentament ittellgħet serata li fiha ġie mniedi l-ktieb ġdid tal-għalliem u membru tal-MUSEUM is-Sur Robert Aloisio, “L-Iskola St Michael – l-għaxqa ta’ San Ġorġ Preca”, ktieb riċerkat sew u b’ħafna informazzjoni ġdida li l-awtur irnexxielu jsib u li għandu jsib postu fil-librerija ta’ kull min għandu għal qalbu l-edukazzjoni u lil San Ġorġ Preca għax din l-Iskola kienet tassew l-għaxqa ta’ Dun Ġorġ u dal-ktieb juri għalfejn.
Ma’ tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, Toni Agius (1907-1989), soċju tal-Museum u engine-fitter, kien ħalla x-xogħol sikur li kellu fit-Tarzna biex jiftaħ skola ġdida. Hu u tliet soċji oħra tal-Museum, apprentisti fit-Tarzna, issagrifikaw kollox biex jidħlu għal avventura sabiħa li bħal kull ħaġa ġdida oħra triqitha ma kinitx nieqsa mix-xewk. Bħall-Fundatur tal-Museum, Agius sab min ma fehmux u oħrajn kellhom il-biżgħat raġonevoli tagħhom. Imma San Ġorġ Preca bierek b’idejh it-tnejn lil Agius u l-opra ġdida li Alla kien se jibda permezz tiegħu. Iktar tard Dun Ġorġ sejjaħ lill-Iskola St Michael “l-għaxqa ta’ qalbi” u kienet l-hena tiegħu jżur l-Iskola, jitkellem mal-istudenti u l-għalliema u jqaddsilhom.
Il-ktieb ġie ppreżentat mill-Assistent Superjur Ġenerali Oliver Aquilina li hu wkoll id-Direttur ta’ Pubblikazzjonijiet Preca u ex għalliem tal-Iskola. Il-Kap tal-Iskola Raymond D’Amato ippreżentah lis-Superjur Ġenerali tal-MUSEUM Roberto Zammit u lil Fr Charles Mallia, Delegat tal-Arċisqof għall-Edukazzjoni Kattolika. Id-diskors ewlieni sar minn Dr George Borg, ex Direttur tal-Edukazzjoni li kellu lil ibnu jattendi wkoll l-Iskola tagħna.
Il-ktieb ta’ Robert Aloisio jinsab għall-bejgħ mil-lum mil-Librerija Preca fil-Blata l-Bajda u minn għada l-Ġimgħa mill-Iskola stess fejn se jerġa’ jkun imniedi lill-pubbliku ġenerali fis-7.30pm. Il-pubbliku inġenerali mistieden biex nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Mejju jew is-Sibt 21 ta’ Mejju tiġu l-Iskola mis-7.00 p.m. ’l quddiem. Wieħed ikun jista’ jixtri l-ktieb, idur mal-Iskola u jsegwi l-kummiedja mtellgħa mill-istudenti “Is-Sultan u l-Kaptan” miktuba minn Trevor Zahra u diretta minn Clive Piscopo.