”Sliem Għalik, Ġużeppi, Bin David” – Dan huwa t-titlu ta’ ktieb ġdid dwar San Ġużepp li l-Erbgħa 20 ta’ Ottubru fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġużepp fil-Kalkara saret it-tnedija uffiċjali tiegħu. Dan il-ktieb volumuż huwa miktub mill-Kapuċċin Patri Martin Mamo OFM Cap.
Din il-pubblikazzjoni nħarġet fl-okkażjoni tas-Sena Ġużeppina mħabbra minn Papa Franġisku u li qed tiġi ċċelebrata madwar id-dinja Kattolika kollha. Għat-tnedija kien hemm preżenti l-Arċisqof ta’ Malta Mons. Charles J. Scicluna, fost diversi mistiedna distinti oħra, fosthom il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca għax id-dħul kollu minn dan il-ktieb ser imur b’risq The Malta Trust Foundation. Iż-żagħżugħ Samuel Farruġia flimkien ma’ Patri Martin Mamo preżentaw uffiċjalment dan il-ktieb lil Mons. Arċisqof.
Il-ktieb voluminuż dwar San Ġużepp għandu preżentazzjoni minn Rev. Dr. Martin Micallef u huwa maqsum f’erbgħa u għoxrin riflessjoni, flimkien ma’ kapitli bit-talb u innijiet ta’ tifħir. Ir-riflessjonijiet miktuba minn Patri Martin Mamo jimirħu f’suġġetti varji fosthom dawk storiċi, bibbliċi u anki ħsibijiet dwar din is-sena speċjali. Fost il-kitbiet jinstabu ukoll tliet paniġierċi, fosthom tnejn tal-awtur u wieħed tal-Kapuċċin il-poeta Patri Mattew Sultana, taqsima dwar id-devozzjoni tal-qaddisin u ta’ Maltin lejn dan il-qaddis, kif ukoll informazzjoni dwar dehriet ta’ San Ġużepp madwar id-dinja.
Il-ktieb li għandu preżentazzjoni hard-bound, huwa stampat kollu bil-kulur b’ritratti u pitturi mill-isbaħ u għandu ukoll t-timbru uffiċjali tal-Knisja ‘Nihil Obstat’. Jinstab għall-bejgħ mingħand l-awtur stess.