Ġie ppubblikat ktieb ġdid bl-isem ta’ Noħlom li xi darba, li għan tiegħu huwa li jiffamiljarizza iż-żgħażagħ Maltin mal-Unjoni Ewropea u l-opportunitajiet li toffri.
Il-Ktieb, li jinkludi għaxar stejjer differenti dwar grupp ta’ ħbieb, huwa miktub mill-Awtriċi Clare Azzopardi u ġie ppubblikat mill-Aġenzija għas-Servizzi Ewropej f’Malta.
Fil-ktieb, wieħed jsib kodiċi apposta wara kull storja, li permezz tiegħu jiftaħ l-opportunitajiet u tagħrif li ż-żgħażagħ għandhom bżonn; minn informazzjoni dwar il-programm ta’ fondi Ewropej Erasmus+, sa kif għandek taffaċċja kull tip ta’ diskriminazzjoni.
Fit-tnedija tal-ktieb, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Ewropej f’Malta, Mandy Falzon, qalet kif il-ktieb, magħmul minn karti sostenibbli għall-għarfien dwar l-ambjent, huwa maħsub biex iż-żgħażagħ jagħrfu li fl-Unjoni Ewropea, iż-żgħażagħ isibu l-appoġġ biex iwettqu l-ħolm tagħhom; kemm għalihom infushom u kemm għall-ġid tas-soċjetà li jgħixu fiha.
L-Awtriċi tal-ktieb, Clare Azzopardi spjegat kif dan il-ktieb fih numru ta’ stejjer qosra u fittizji, dwar grupp ta’ żgħażagħ u l-ħolm tagħhom.
Hija qalet ukoll li dan iHija qalet ukoll li dan il-ktieb huwa speċjali għaliex irnexxielu jżewweġ il-ħolm taż-żgħażagħ ma’ opportunitajiet li bihom l-Unjoni Ewropea tista’ tgħin liż-żgħażagħ fil-ħolm u fl-opportunitajiet tagħhom.
Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela qal li lil hinn minn dan il-proġett huwa importanti ferm li ċ-ċittadini jkunu mgħarrqa sew b’dak li għandha x’toffri l-Unjoni Ewropea, anke bħala fondi individwali.
Il-Ministru Abela spjega li kull wieħed u waħda minnha għandna l-obbligu li nieħdu azzjoni biex inkunu ċittadini tajbin, biex b’hekk nibnu Ewropa iktar demokratika, ġusta, sigura, ugwali, favur l-ambjent u l-klima, u fuq kollox Ewropa li tirrispetta d-dinjità tal-persuna.
Il-ktieb #noħlomlixidarba ser jitqassam fl-iskejjel ta’ Malta u Għawdex u fil-libreriji.