L-OPUS Collection, kumpanija Ingliża, li tippubblika ktejjeb kbar b’ritratti uniċi fuq suġġetti varji madwar id-dinja, għażlet lil Malta, niesha, ix-xenarju pittoresk, li jdawwarha, u l-istorja rikka tagħha għall-pubblikazzjoni li jmiss.
Din l-edizzjoni speċjali se turi l-istorja u l-kultura straordinarja ta’ Malta, kemm tal-passat kif ukoll tal-preżent, maħluqa f’volum b’format kbir u marbut b’mod mill-isbaħ, li se jkun kemm xogħol ta’ arti kif ukoll ktieb rekord definit tal-istorja unika ta’ Malta.
Kopja numru wieħed ta’ ‘The Malta Opus’ se tiġi rkantata fl-2025, bil-qligħ kollu jingħata lil għaqdiet karitattivi bħal Beating Hearts Malta u Save and Support Trust. Għaqdiet oħrajn Maltin se jibbenefikaw minn proġetti futuri.
Mis-sena d-dieħla, OPUS Malta se tniedi wkoll programm ta’ taħriġ għal sitt studenti tal-MCAST kull sena fl-oqsma tal-fotografija u d-disinn grafiku, biex jipparteċipaw fi proġetti futuri.
Il-kotba tal-OPUS jitqassmu fl-akbar u l-aqwa universitajiet, libreriji u mużewijiet fid-dinja u għalhekk eluf ta’ nies anke jistgħu issa jaraw u jaqraw dwar Malta.
Dwar dan, tkellimna ma’ Karl Fowler, il-Kap Eżekuttiv tal-OPUS, li żvela magħna kif il-ktieb se jitniżżel fuq il-Guinness World Records bħala l-akbar u l-itqal ktieb li qatt inħoloq, tant li se jkun jiżen 38 kilo.
“We actually have a problem, is that there is so much wonderful, uncontracted imagery that tradition and history, the problem we have is the selection of what goes in. But we are very excited because this will be the first Opus on a country it will be also in the world record as the largest and heaviest book ever to be published and released on a country.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ OPUS, Karl Fowler
Preżenti għat-tnedija, il-Ministru responsabbli mill-kultura qal kif dan ikompli jagħti promozzjoni b’saħħitha lil Malta.
“Se jibdew jiġu mnedija l-edizzjonijiet differenti ta’ dan il-ktieb stupend dwar Malta li se jinżel tajjeb ħafna u għalhekk huwa reklam straordinarju għal pajjiżna.”
Il-Ministru Owen Bonnici