Fost l-inizjattivi biex tfakkar il-10 sena mit-twaqqif tal-Big Friends Guggen Musik, ġie ppubblikat ktieb bl-istorja ta’ din il-band. Fih ukoll informazzjoni dwar kif nibtet il-mużika guggen fl-Isvizzera u pajjiżi oħrajn u kif din waslet f’pajjiżna.
Dan il-ktieb, intitolat ‘The Gugen tradition in Malta’ , kien editjat minn George Cassar bil-parti li titratta l-Għaqda f’idejn Ian Debattista. Il-ktieb fi 112-il-paġna u mhux biss jiġbor l-istorja tal-guggen iżda jinkorpora wkoll ħafna ritratti bil-kulur li jkomplu jgħollu l-livell tal-publikazzjoni.
Biex tfakkar dan il-anniversarju l-Għaqda ppubblikat ukoll DVD li jiġbor filmati dwar din il-mużika flimkien ma’ ħidma li wettqet l-Għaqda tul dawn is-snin. Dan id-DVD ittella’ minn Godfrey Agius, direttur tal-Għaqda u minn Anteo Camilleri u Rodrick Dalli, membri tal-kumitat tal-Għaqda.
Aktar kmieni dan ix-xahar l-Għaqda żaret lill-Eċċ. Tagħha Marie Louise Coleiro Preca President ta’ Malta, fil-Palazz ta’ San Anton. Saru diskorsi tal-okkażżjoni u kienu ppreżentati lill-President ta’ Malta kotba u dvd biex jibqgħu fil-Biblijoteka tal-palazz Presidenzjali. Wara l-President ppreżentat lil kull mużiċist ktieb u dvd. Il-50 mużiċist iddawwru mas-swali fejn ġiet spjegata lilhom l-istorja ta’ dan il-palazz.
Il-ktieb u d’DVD kienu realizzata permezz tal-għajnuna tal-Kunsill Malti tal-Volontarjat taħt l-iskemi VOPs u Sis.
Bħala parti mill-attivitajiet li fakkru l-10 aniversarju mit-twaqqif tal-Big Friends Guggen Muzik saret wirja dwar guggen musik nhar il-Ħamis 22 ta’ Novembru fis-7.45 pm fiċ-ċentru mużikali tal-band fil-Furjana. Il-wirja fetħet b’quddiesa fejn ġew ippreżentati l-istrumenti ġodda li tbierku mill-kappillan tal-istess għaqda Patri Deo Debono. L-Għaqda għalqet iċ-ċelebrazzjonijit tagħha il-Ħadd 25 ta’ Novembru bi programm speċjali li wassal għall-ftuħ uffiċjali taċ-ċentru mużikali tal-għaqda.
Fil-bidu ta’ Ottubru il-Big Friends Guggen Musik żammet seminar fejn ġiet ittratta l-istorja tal-mużika Guggen u tagħrif dwar attivitajiet imtellgħin fiż-żminijietna madwar id-dinja.