Fl-Iskola Primarja ta’ Ħaż Żebbuġ tqassam lill-istudenti ta’ Skolasajf, it-tielet edizzjoni tal-ktieb ‘Aħna t-Tfal Ħbieb tal-Annimali’.
Dan il-ktieb għandu l-għan li jqajjem kuxjenza fost it-tfal dwar l-importanza li nħarsu lill-annimali tagħna u l-imħabba li dawn kapaċi jagħtu.
Din il-pubblikazzjoni tqassmet waqt żjara li għamlu l-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari responsabbli mid-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said.
Dan il-ktieb hu maħruġ mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali. Mill-kitbiet tat-tfal infushom, imżewqa b’diversi poeżiji u siltiet bi stampi kkuluriti, wieħed jista’ jislet is-sensittività u l-innoċenza tat-tfal fejn jidħlu l-annimali, bi spunti ta’ tagħlim għal tfal oħrajn, kif ukoll għal ġenituri u adulti li jaqraw il-kitbiet.
L-uffiċjal għall-promozzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali George Farrugia qal li dan il-ktieb huwa parti mill-missjoni ta’ din l-entità li tippromwovi aktar l-imħabba lejn l-annimali.
“Tajnihom opportunità biex anki jaqsmu l-istejjer tagħhom, reali, tal-annimali tagħhom u kif iħarsu wkoll lejn il-ħarsien u r-responsabbilità bħala sidien tal-annimali.”
Min-naħa tagħhom, il-Ministru Grima u s-Segretarju Parlamentari Bugeja Said sostnew dwar l-importanza tal-qari u t-trawwim tal-edukazzjoni fejn jidħlu d-drittijiet tal-annimali u l-ħarsien tal-annimali.