Is-sess u s-sesswalità: suġġett li ssib min iħossu skomdu jitkellem dwaru, b’mod speċjali ġenituri jew adulti li għandhom fil-kura tagħhom adoloxxenti li jkunu għaddejjin minn fażi ta’ bidla f’ġisimhom.
Kien għalhekk li Natalie Psaila, tabiba li tipprattika l-mediċina tal-familja, ippubblikat ktieb bl-isem ta’ ‘My Body’s Fantastic Journey’ dwar il-bijoloġija tas-sess. Il-ktieb hu maħsub biex, fi kliem sempliċi u anke bl-għajnuna tal-illustrazzjonijiet, tispjega t-tibdil li tifel jew tifla jħossu meta jilħqu l-età tal-pubertà.
“L-idea hi li tagħtihom informazzjoni kemm jista’ jkun biex, meta jiġu biex jużawha, se jkollhom riżorsi li huma affidabbli.”
Dan il-ktieb informattiv, li saħansitra jispjega lill-qarrejja dwar il-periklu ta’ meta xi ħadd jibgħat materjal espliċitu tiegħu nnifsu lil ħaddieħor, huwa mmirat għall-adoloxxenti ta’ bejn 10 u 14-il sena.
“Hija età fejn ħafna mit-tfal ikollhom bidliet fil-ġisem tagħhom u forsi wħud minnhom ikunu konfużi x’qed jiġri, so huwa tajjeb li jkunu jafu x’qed jiġri fil-ġisem tagħhom u jkunu jafu li hija xi ħaġa normali.”
L-awtriċi qalet li s-suġġett tas-sess għadu jħammar wiċċ uħud mill-ġenituri, iżda dan m’għandux ikun, fost oħrajn għax is-sess u s-sesswalità huma aspett naturali tal-bniedem. Dr Psaila, li hija omm ta’ żewġt itfal, saħqet fuq il-bżonn li jkun hawn aktar tagħrif affidabbli dwar is-sess, sabiex tfal ma jirrikorrux għal materjal li jista’ jagħti idea żbaljata dwar is-sess u s-sesswalità.
“Ħafna nies iħossuha diffiċli biex jitkellmu fuq is-sess mat-tfal tagħhom jew mat-tfal li huma taħt il-kura tagħhom, li hija ħasra għaliex l-idea hi illi meta t-tfal ikollhom bżonn l-għajnuna u jixtiequ jistaqsu xi ħaġa jduru lejn dawk li jafdaw, lejn dawk li jħobbuhom fil-verità, u mhux iduru lejn pornografija jew sħabhom biex l-informazzjoni li jġibu forsi ma tkunx daqshekk tajba.”