Ktieb ġdid fuq il-flora u l-fawna li wieħed jista’ jsib fil-Park tal-Majjistral, se jżid l-għarfien fuq il-bijodiversità f’pajjiżna.
Il-parti tal-ktieb li titratta l-flora hija mqassma skont il-kulur tal-fjuri, u dik dwar il-fawna hija mqassma skont ir-razza.
Jikkumplimentaw l-informazzjoni hemm bosta stampi kkuluriti li jgħinu lill-qarrejja jifhmu dak li jkunu qed jaqraw. Iċ-Chairperson tal-Bord tal-Park tal-Majjistral, Sammy Vella stqarr li dan il-ktieb, li ġie ppubblikat bil-Malti u bl-Ingliż, se jgħin fil-ħarsien tal-ambjent.
Qal, “L-importanza li n-nies ikunu jafu fuq il-flora u fuq il-fauna fil-park hija biex meta jiġu hawn joqgħodu attenti li jimxu mal-mogħdijiet stabbiliti u ma jgħaffġux fuq il-ħxejjex ħalli ma jagħmlux ħsara lill-ambjent ta’ madwarna.”
L-Amministratur tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, qal li l-Awtorità dejjem ħa tkun hemm biex tappoġġja lil dawn l-għaqdiet mhux governattivi u tagħti l-aħjar pariri possibbli.
Spjega, “Għalhekk l-ERA tagħti l-pariri tagħha xjentifiċi kif għandu jitmexxa l-park b’tali mod u manjiera li min jiġi hawnhekk jista’ jgawdi n-natura mingħajr ma jkun hawn ħsara ambjentali.”
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostennibbli Miriam Dalli qalet li dan il-ktieb ħa jkun qed jgħin partikolarment biex jitkattar l-għarfien fit-tfal li jkunu jistgħu jitgħallmu anki ’l bogħod mill-bankijiet tal-iskola.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qal li l-konservazzjoni tal-bijodiversità hija importanti biex jonqos it-tibdil fil-klima u jiġi kkonservat l-ambjent għall-ġenerazzjonijiet tal-futur.