‘Mase In Space’ huwa ktieb ġdid li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu li ġie ppubblikat f’Malta għal tfal bl-awtiżmu u bl-ADHD. Il-ktieb ġie ppubblikat proprju f’April, ix-xahar li fih titqajjem iżjed kuxjenza dwar l-awtiżmu.
Bil-għajnuna tal-kumpanija GO, li qed tisponsorja l-ktieb, il-pubblikazzjoni qed tiġi wkoll iddiġitilizzata sabiex tkun disponibbli onlajn.
‘Mase in Space’ huwa miktub min Michelle Mifsud, li hija patoloġista tal-lingwaġġ b’interess speċjali fil-qasam tal-awtiżmu u li kienet iddedikat l-istudji tagħha fid-dettall proprju għal dan il-qasam. Hija ngħaqdet ma’ oħtha, Marilyn Mifsud, li hija kittieba, u ħolqu dan il-ktieb bil-għan li jgħinu lit-tfal bl-awtiżmu jitgħallmu kif jikkomunikaw aħjar b’mod soċjali.
Il-ktieb jikkonsisti f’narrazzjoni li tinkludi rima u ritmu, u t-temi jinkludu l-annimali u l-ispazju. Il-ktieb ġie illustrat bl-idejn mill-artista Sharon Naudi, li hija wkoll assistent Kap li tispeċjaliżża fil-litteriżmu u l-inklużjoni.
Preżenti għat-tnedija tal-kiteb kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, li sostniet li proġetti bħal dawn huma pass fid-direzzjoni t-tajba għax ikomplu jippromwovu l-inklussività bl-użu tat-teknoloġija.
Il-Ministru qalet li kull tifel u tifla għandhom id-dritt għal soċjetà inklussiva u l-missjoni tal-Gvern hija li proprju jiżgura li tinħataf kull opportunità sabiex ikun żgurat li, bħala pajjiż, insiru dejjem iżjed inklussivi.
Għalkemm il-ktieb huwa maħsub biex jinbiegħ b’mod kummerċjali, diversi kopji se jkunu allokati sabiex jingħataw b’xejn lil individwi, entitajiet, skejjel, u istituzzjonijiet rilevanti.